Għal ftit mhux Bronz fl-Isparar

Waqt il-Logħob tal-Commonwealth li qed isiru fi Glasgow fl-Iskozja, ġurnata ferm pożittiva għalina l-Maltin u b’mod speċjali għat-tiratur Malti Nathan Lee Xuereb.
Pass kbir importanti għal dan iż-żgħażugħ li wasal fil-finali għall-Midalja tal-Bronz u spiċċa fir-raba’ post fil-kategorija Double Trap.
Bidu tajjeb għat-tiratur Malti li wasal fis-semifinali meta ġie l-ħames minn dsatax-il tiratur fis-sessjoni ta’ kwalifikazzjoni sabiex jidħlu mal-aħħar sitt finalisti.
Xuereb fuq ħames rawnds ta’ 30 plattina, laqat 24 minn 30, 28 minn 30, 26 minn 30, 26 minn 30 u 27 minn 30, b’total ta’ 131 punt u għamilha għas-semifinali.
Kien hawn li Xuereb laqat 26 minn 30 platina, fejn kien biss platina ‘l bogħod minn shoot off mal-ewwel tlieta.
B’hekk fil-logħba għall-midalja tal-bronz, it-tiratur Malti Nathan Lee Xuereb tilef kontra l-Indjan Mohd li kien minn naħa tiegħu inqala’ bix-shoot off għad-deheb.
Fil-fatt fl-aħħar 15-il par Xuereb laqat 24 plattina u Mohd laqat 26.
Il-midalja tad-deheb u tal-fidda ntrebħu mill-Ingliżi Steve Scott u Matthew French rispettivament.
It-tiratur Malti l-ieħor William Chetcuti spiċċa fis-7 post u falla s-semifinali għal tliet plattini biss.
Chetcuti laqat total ta’ 125 minn 150 plattina.