Għall-festin tal-Milied bil-lunch tal-ġenituri

Studenti ta’ xi skejjel skola spiċċaw se jkollhom imorru għall-festin tal-Milied bil-lunch ippreparat mill-ġenituri.

Sorsi li tkellmu ma’ Newsbook.com.mt spjegaw li dan ġie wara li xi ġenituri gergru hekk kif it-tfal ingħataw iċ-ċans li jagħżlu pizza bħala ikel għall-festin fost tliet għażliet li kienet se tipprovdi l-iskola. It-tliet għażliet li l-iskola tat lill-ġenituri kien ta’ pizza, timpana jew inkella lasagna.

Daqshekk pastizzi u sausage rolls fil-festini tal-iskejjel?

Wara t-tgergir tal-ġenituri, l-iskola ċċirkulat imejl fejn spjegat li l-iskola kienet konxja li l-ordnijiet li ħarġu mill-Ministeru għall-Edukazzjoni ma kienux għall-gosti tat-tfal. Spjegat ukoll li għaldaqstant, minħabba n-nuqqas ta’ qbil dwar l-offerta tal-iskola, it-tfal għandhom jieħdu magħhom il-lunch normali, li jiġi ppreparat mill-ġenituri u flixkun ilma. L-iskola sostniet li dan il-lunch għandu jkun konformi mal-Healthy Eating Policy u ma jistax jinkludi ikel tal-festini jew ħelu.

L-ikel provdut mill-ġenituri ma jaqax taħt ir-regoli

Intant, ilbieraħ, il-Ministeru għall-Edukazzjoni spjega kif l-ikel provdut mill-ġenituri lit-tfal tal-iskola ma jaqax taħt ir-regoli l-ġodda kif stabbiliti. Il-Gvern qal li dwar l-ikel li l-ġenituri jagħtu lill-uliedhom għaddejja kampanja separata bl-isem Lunchbox, biex it-tfal jingħataw ikel tajjeb għas-saħħa.

Dan ġie propju wara li l-Malta Union of Teachers (MUT) ħabbret li qed tirreġistra tilwima industrijali mal-awtoritajiet edukattivi u tas-saħħa għax l-għalliema qegħdin jitgħabbew b’deċiżjonijiet li mhux lok li jiħduhom huma, pereżempju jekk it-tfal għandhomx jitħallew jieħdu ikel bħall-pastizzi u s-sausage rolls fil-festini tal-iskola.

Skola se tneħħi l-magni tal-isnacks

Kawża tal-istess policies, skola oħra li ċċirkulat imejl mal-ġenituri spjegat li se tkun qed tneħħi l-magni tal-isnacks li jinsabu fil-gym tal-iskola. Fl-imejl l-iskola sostniet li wasal iż-żmien li din l-iskola tibda ssegwi l-liġijiet madnatorji tal-istat.

Intant insistiet mal-ġenituri dwar l-importanza li t-tfal jieħdu magħhom lunch ippreparat mid-dar u spjegaw li t-tuck shop tal-iskola ma jkollux biżżejjed ikel sħun sabiex jitma’ l-istudenti kollha.