Għall-ewwel darba nstab ix-xaħam fil-pulmun

Għall-ewwel darba nstabu traċċi tax-xaħam fil-pulmun ta’ nies li jiżnu aktar milli suppost u dawk obeżi. Riċerkaturi fl-Awstralja analizzaw kampjuni minn 52 persuna u sabu li l-ammont ta’ xaħam jiżdied skont il-body mass index tal-persuna.

Il-body mass index hija kalkulazzjoni li ssir billi jintuża t-tul u l-piż ta’ persuna. Il-formula biex issibha hi kg/m2 fejn il-kg hija l-piż f’kilogrammi u m2 hija t-tul f’metri kwadri. Riżultat ta’ 25.0 u aktar ifisser piż żejjed waqt li bejn it-18.5 u l-24.9 hu tajjeb. Il-BMI japplika għal dawk ta’ bejn it-18 u l-65 sena.

Skont l-istess riċerkaturi dan jista’ jindika għaliex meta tkun tiżen aktar milli suppost jew obiż iżżid ir-riskju tal-ażma. Esperti fil-pulmun qalu li jkun interessanti biex jaraw jekk dan l-effett tax-xaħam ikunx jista’ jitreġġa lura billi jitnaqqas il-piż.

L-istudju kien pubblikat fil-European Respiratory Journal li x-xjenzati għamlu l-istħarriġ tagħhom fuq kampjuni ta’ pulmun ta’ persuni li ngħataw għar-riċerka. Ħmistax minnhom ma kellhomx ażma, 21 minnhom kellhom l-ażma imma mietu b’kawżi oħra waqt li 16 mietu bil-kundizzjoni.

Ix-xjenzati wżaw likwidu kulurit biex għamlu analiżi dettaljata  bil-mikroskopju tal-1,400 passaġġ tal-arja mill-kampjuni li ngħataw. Huma sabu traċċi tax-xaħam fil-passaġġi tal-arja, l-aktar f’dawk li kienu ħoxnin. Dan wassal biex inbidlet l-istruttura normali tal-passaġġi tal-arja li wasslet għall-infjammazzjoni tal-pulmun li mbagħad twassal għar-riskju tal-ażma.