Għall-ewwel darba l-ebda stqarrija parlamentari dwar is-summit tal-UE

Aġġornat 10:15 AM

Read in English.

Il-Whip Nazzjonalista Robert Cutajar qal li l-Prim Ministru l-ġdid Robert Abela kien qed jikser prassi antika li wara kull summit Ewropew, fl-ewwel seduta, il-Prim Ministru kien imur quddiem il-kamra tar-rappreżentanti u jaġġorna lill-membri parlamentari. 

Il-Whip Laburista ddefenda lil Abela billi qal li kif kellu l-opportunità jagħmel il-Prim Ministru diġà stqarr li s-summit kien inkonklussiv u ma kien hemm xejn x’jiġi rrapportat. 

Id-Deputat Kap tal-PN David Agius stqarr li fuq materja daqstant importanti jiġifieri d-diskussjoni dwar il-baġit il-ġdid tal-UE, hu kien qed jistenna li l-Prim Ministru jagħmel stqarrija parlamentari. 

Id-Deputat speaker Claudette Buttigieġ qalet li hi ma kellhiex il-poter li ġġiegħel lill-Prim Ministru jagħmel stqarrija. 

“Il-PM naqas lill-poplu Malti u Għawdxi” – PN

Il-Partit Nazzjonalista ħareġ stqarrija li fiha qal li dan hu suġġett li jinteressa lill-poplu Malti u Għawdxi kollu, u għalhekk mhuwiex ġust li l-Prim Ministru ma aġġornax lill-Kamra tad-Deputati fuq dak li ntqal fil-Parlament Ewropew.

Il-PN qal li, “Skont il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea, Malta hija fost ftit pajjiżi l-iktar li se jonqsulhom il-fondi Ewropej.” L-istqarrija ssostni li l-PM huwa fid-dmir jikkonferma jekk din hix ukoll il-pożizzjoni tal-President tal-Kunsill tal-Ewropa li qed imexxi dawn in-negozjati.

L-istqarrija li kienet iffirmata mill-kelliemi Nazzjonalista għall-Affarijiet Barranin Carmelo Mifsud Bonniċi u l-Whip Nazzjonalista Robert Cutajar temmet tgħidu li, “Għalhekk l-Oppożizzjoni tittama u tistenna li l-Gvern Laburista jagħmel dak kollu li huwa possibbli sabiex possibbilment l-istess għajnuna li konna ħadna fil-pakkett finanzjarju preċedenti jerġa’ jkun disponibbli għal pajjiżna.”