Għall-ewwel darba ebda mewt f’Wuhan

REUTERS/Tingshu Wang

Read in English.

Iċ-Ċina rrappurtat tnaqqis f’każijiet ġodda ta’ coronavirus wara li għalqet il-fruntieri tagħha lill-prattikament il-barranin kollha fl-isforz li tnaqqas l-infezzjonijiet importati minn barra. Fil-belt ta’ Wuħan, l-epiċentru oriġinali tal-virus, għall-ewwel darba ma kien hemm ebda mewt marbuta ma’ dan.

B’kollox il-pajjiż irreġistra 32 każ ġdid it-Tnejn, seba’ inqas mill-ġurnata ta’ qabel. Ebda wieħed minn dawn il-każijiet ġodda ma kien trażmess lokalment biex issa n-numru ta’ każijiet importati tela’ għal 983.

Hekk kif il-ħajja f’Wuħan qed tipprepara biex terġa’ lura għan-normalità, din il-belt irrappurtat biss żewġ każijiet ġoodda fl-aħħar ħmistax, u mistenni li minn għada l-popolazzjoni titħalla terġa’ tivvjaġġa lejn destinazzjonijiet oħra fil-pajjiż. Wuħan kienet ilha magħluqa mit-23 ta’ Jannar bħala parti mill-isforzi nazzjonali biex tkun kontenuta l-imxija tal-virus. 

Wara li ċ-Ċina għaddiet mill-massimu tal-infezzjonijiet lokali fi Frar, l-awtoritajiet issa qed jiffukaw fuq il-każijiet importati u fuq pazjenti li ma jurux sintomi. Fil-preżent, ftit aktar minn elf persuna asintomatika kienet qed tingħata l-kura neċessarja.

Iċ-Ċina għalqet il-fruntieri tagħha għall-barranin malli l-virus beda jinxtered globalment, u l-parti l-kbira ta’ każijiet importati huma ta’ ċittadini nazzjonali li jkunu sejrin lura pajjiżhom. 

B’kollox fiċ-Ċina kienu kkonfermati total ta’ 81,740 każ, filwaqt li 3,331 persuna tilfu ħajjithom.