Għall-azzjonijiet ta’ Steward ċemplu Kastilja – UĦM

Read in English.

It-Tnejn, il-UĦM Voice of the Workers nediet serje ta’ azzjonijiet industijali fl-Isptar Karin Grech u fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex. Il-UĦM appellat biex dawk kollha li jkollhom xi lment iċemplu l-Berġa ta’ Kastilja fuq 25000000.

Fi stqarrija l-UĦM Voice of the Workers qalet li dawn l-azzjonijiet ġew ordnati wara li l-unjin kienet ilha snin turi t-tħassib tagħha dwar il-kuntratt bejn il-Gvern u l-Vitals Health Care.

Żiedet li l-unjin qatt ma tat il-barka tagħha dwar dan il-kuntratt. Il-UĦM qalet li ilha żmien twil li talbet lill-Gvern biex jassorbi lil dawn il-ħaddiema sabiex jitħaddan il-prinċipju ta’ “paga ugwali għal xogħol ugwali”.

L-azzjonijiet se jkunu segwiti mill-membri tal-UĦM irrelevanti ma’ min qed jaħdmu, għaliex il-membru tagħha jemmnu fis-solidarjetà.

Il-UĦM appellat lill-Gvern biex iwaqqaf il-kuntratt minn ma’ Steward b’mod immedjat u jassorbi lill-ħaddiema li taw servizz għal dawn l-aħħar snin.