Għalkemm se jitneħħew il-lights, “it-triq se tiġi aktar sigura”

Infrastructure Malta

Is-sinjali tat-traffiku bid-dawl li jinsabu fuq in-naħa ta’ fuq ta’ Triq l-Imdina, ftit il-bogħod mir-roundabout Ta’ Srina se jkunu qed jintfegħu. Dan qalitu Infrastructure Malta fi stqarrija li ħabret il-bini ta’ triq ġdida fl-inħawi Tal-Ħemsija. Din it-triq se tintuża minn dawk li se joħroġu minn Ta’ Qali lejn ir-roundabout Ta’ Srina bejn ir-Rabat u Ħ’Attard. Infrastructure Malta insistew li din it-triq il-ġdida se twassal għal ħruġ iktar sigur minn Ta’ Qali għal Ta’ Srina.

It-triq fiha madwar 750 metru. Fost ix-xogħol li sar, Infrastructure Malta qalet li kien hemm bini ta’ bankina ġdida, pajpijiet tat-tqassim tal-ilma tax-xorb u katusi tad-dranaġġ taħt l-art, is-sistema tal-ġbir tal-ilma tax-xita u wiċċ ta’ asfalt fuq il-pedamenti ġodda. Saret ukoll korsija ġdida fil-konnessjoni li tgħaqqad din it-triq mat-triq arterjali bejn ir-roundabouts Ta’ Buqana u Ta’ Srina.

Fl-istqarrija, Infrastructure Malta spejgat kif din it-triq il-ġdida ser tintuża bħala l-ħruġ tal-villaġġ tas-snajja ta’ Ta’ Qali lejn Ħaż-Żebbuġ, ir-Rabat u fid-direzzjoni tat-Tramuntana ta’ Malta. Skont l-istess entità apparti li triq il-ġdida se tkun qed tiffranka lis-sewwieqa milli jkollhom jgħaddu minn Triq l-Imdina f’Ħ’Attard se jitnaqqas ir-riskju ta’ karozzi ġejjin kontra xulxin li jispiċċaw jaħbtu.

Infrastructure Malta