Għalkemm ħafrilha jħoss li bintu għandha tpatti ta’ għemilha

Fil-Qorti għadu għaddej il-każ tat-tfajla li ċaħdet li sofriet minn abbuż sesswali minn missierha.
Fil-każ ta’ Leanne Camilleri, illum telgħet tixhed il-probation officer Antonia Spanjol fejn spjegat li t-tfajla llum tixtieq tibda tgħix mal-familja l-ġdida ta’ missierha iżda l-biża’ tagħha hi li jkollha problemi mas-sieħba ta’ missierha.
Il-probation officer spjegat li s-separazzjoni tal-ġenituri tagħha, meta Leanne kellha biss seba’ snin, ħalliet effett ħażin fuq it-tifla. 
B’konsegwenza li nqata’ wkoll il-kuntatt ma’ missierha u kienet irrabbjata għal ommha.
Minħabba dak kollu li għaddiet minnu, it-tfajla qed tingħata għajnuna mingħand social worker u psikologu.
Ftit tal-jiem wara li missierha Emmanuel Camilleri ħareġ mill-ħabs wara kważi 400 jum maqful, bintu Leanne qalet li missierha qatt ma missha u l-istejjer li kienet qalet fil-passat kienu gidba. 
Missierha ħafrilha xorta iżda saħaq li t-tifla xorta għandha tkun responsabbli tal-aġir tagħha.
Il-każ tat-tfajla mistenni jagħlaq fil-15 ta’ Settembru li ġej.