Għalik jekk se tieħu sehem fit-tlielaq tal-ġiri fi Fleur-de-Lys

Il-Birkirkara St. Joseph se jkun qed jospita t-tlielaq annwali tal-Eurosport BSJ Fleur-de-Lys Road Running Races, fuq medda ta’ 5km u 10km nhar il-Ġimgħa 13 ta’ Diċembru. Numru rekord ta’ parteċipanti huma mistennija li jieħdu sehem.

It-tellieqa, li tibda fis-7.30 ta’filgħodu, tikkonsisti minn rotta ta’ 5km, li tkun doppja fil-każ ta’ dawk li se jieħdu sehem fit-tellieqa tal-10km. It-tellieqa se tibda quddiem l-iskola tal-Gvern fi Triq Psaila u se tispiċċa fl-istess triq, iktar ‘l isfel quddiem il-Eurosport Malta.

Ċerimonja qasira għall-Għoti tal-Premjijiet se ssir immedjetament wara fil-post tat-tellieqa.

Atleti li rreġistraw għat-tellieqa iżda għad jridu jiġbru n-numru, kif ukoll applikazzjonijiet ġodda għandhom isiru sa’ siegħa qabel il-bidu tat-tellieqa, nhar il-Ġimgħa.

Birkirkara St Joseph Sports Club se jkun qed jippreżenta donazzjoni għall-karità lil GBI We Cycle For Charity li tifforma parti mill-Global Biking Initiative (GBI). Din l-organizazzjoni tiġbor fondi għall- karitajiet f’aktar minn 30 pajjiż. GBI Malta ngħaqdet mal-GBI Europe Cycling Event aktar kmieni fis-sena u ġabret fondi għal Caritas Malta biex tappoġġja proġetti fiċ-Ċentru Terapewtiku ta’ San Blas.

Il-Birkirkara St Joseph Club Sports qed jorganizza dan l-avveniment b’kollaborazzjoni mar-Reġjun Ċentrali tal-Kunsilli Lokali u l-Eurosport.