Aġġornata: Għaliex qed tagħżel lil Mizzi u lil Schembri u mhux lil Malta? – Delia lil Muscat

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia staqsa għaliex il-Prim Ministru Joseph Muscat qed jagħżel li jipproteġi lill-Ministru Konrad Mizzi u liċ-Chief of Staff tiegħu Keith Schembri minflok lil Malta.
Fir-reazzjoni għar-rapport tal-Delegazzjoni tal-Parlament Ewropew li ġiet f’Malta f’Diċembru biex tinvestiga s-sitwazzjoni fil-pajjiż, Adrian Delia stieden lil Muscat biex “jieħu l-passi li għandu jieħu sabiex, bil-fatti jiddefendi r-reputazzjoni ta’ Malta”. 
Il-Kap Nazzjonalista qal li l-Gvern qed jinduna li qed issir il-ħsara lil Malta iżda xorta qed jibqa’ jippersisti fil-modi tiegħu.
Delia fakkar kif qabel l-Elezzjoni Ġenerali ta’ Ġunju, Muscat kien wasal għall-istess konklużjoni ta’ dan ir-rapport Schembri u Mizzi. Delia żied jgħid li  “dakinhar kien skużahom billi qal li għandu bżonnhom għal xi proġetti partikolari.”
Fir-rapport imsemmi, il-Membri Parlamentari Ewropej qalu li huma mħassba għax il-Pulizija ma investigawx lil Konrad Mizzi u Keith Schembri.
“Inġustizzja mal-industrija tas-servizzi finanzjarji” – FPPN
Dwar dan irreaġixxa wkoll il-Forum Professjonisti Partit Nazzjonalista (FPPN) li stqarr li jinsab imħasseb bin-nuqqas ta’ reazzjoni min-naħa tal-Prim Ministru wara r-rapport tal-kumitati PANA u LIBE tal-Parlament Ewropew. Iddeskriva dan bħala inġustizzja mal-industrija tas-servizzi finanzjarji.
Saħaq li hu diffiċli temmen li Joseph Muscat lest jesponi din l-industrija għal riskji bla bżonn minflok jieħu l-passi meħtieġa kontra Konrad Mizzi u Keith Schembri.
“Il-PM jirreaġixxi b’aktar ħidma” – PL
Min-naħa tiegħu, il-Partit Laburista qal li quddiem kull tip ta’ aħbar jew rapport, inkluż l-għexieren pożittivi, il-Prim Ministru jirreaġixxi dejjem b’iktar ħidma biex f’Malta jinġieb ix-xogħol u l-investiment inkluż fis-settur tas-servizzi finanzjarji.