Għaliex missieri ntbagħat id-dar meta kellu s-sintomi? – iben it-13-il vittma tal-Covid-19

Miguela Xuereb

Il-familja ta’ Michael Cauchi, it-13-il persuna li mietet bil-coronavirus f’Malta, qed jesiġu li jkunu jafu għaliex missierhom ġie liċenzjat biex joħroġ mill-isptar minkejja li kellu s-sintomi tal-Covid-19.  Qed jitolbu wkoll li tintrefa’ r-responsabbiltà. 

Intervista ma Carmel Cauchi

Carmel Cauchi, iben il-vittma, tkellem waqt 103 Breakfast fuq 103 u spjega li missieru ddaħħal l-Isptar Mater Dei l-Ħadd 23 ta’ Awwissu wara li sofra minn attakk ta’ puplesija. Meta ddaħħal l-isptar saru għadd ta’ testijiet, fosthom dak tal-Covid-19, li kien irriżulta negattiv. Il-Ħamis 27 ta’ Awwissu, il-qraba ta’ Cauchi kienu infurmati li l-missier seta’ jmur id-dar. Madanakollu, il-qraba talbu biex jingħataw ċans, sabiex jagħmlu l-arranġamenti neċessarji fir-residenza biex issir aċċessibbli hekk kif minħabba l-istroke, ir-raġel sofra minn problema ta’ mobilità. 

Fl-istqarrija li ħarġet it-Tnejn, il-Ministeru għas-Saħħa spjega li Cauchi kien iddaħħal l-Isptar Mater Dei fit-23 ta’ Awwissu għal kundizzjonijiet ta’ saħħa varji, fejn sarulu swab tests għall-Covid-19 li rriżultaw fin-negattiv. Minkejja dan l-anzjan ingħata kura f’iżolament fl-Isptar Mater Dei minħabba li kien diġà ġie f’kuntatt ma’ persuna pożittiva waqt li kien fil-komunità.

Fil-karozza beda jisgħol

Carmel Cauchi qal li nhar it-Tnejn li għadda, wara li lestew id-dar mill-modifikazzjonijiet li kellhom bżonn, marru għal missierhom l-isptar. Hekk kif ħarġuh mill-isptar daħħluh fil-karozza minn fuq il-wheelchair, u nnutaw li r-raġel kien qed jisgħol. Malli waslu d-dar, huma ċemplu lit-tabib, li mar jarah u qal li r-raġel kellu jerġa’ jittieħed l-isptar minħabba li kellu sintomi ta’ infezzjoni f’sidru. Issejħet ambulanza li ħadet lil Cauchi l-isptar. 

Wieħed mill-infermiera tal-emerġenza daħħal lir-raġel fi cubicle fejn sarulu xi testijiet fosthom dak tal-Covid-19. Ftit wara li l-missier kien miet. 

Tal-mortwarja qalulhom li miet bil-Covid-19

Sa dak il-ħin, il-qraba tal-vittma, minkejja li raw is-sintomi, ma kellhomx konferma li l-missier kien miet minħabba l-coronavirus tant li baqgħu ħdejn missierhom sakemm ittieħed fil-kamra mortwarja. 

Cauchi, spjega li meta ċempel il-kamra mortwarja biex ikun jista’ jikkordina l-aspetti neċessarji għall-funeral ta’ missieru, spjegawlu li meta sar it-test tal-Covid-19 fit-tieni darba li ddaħħal l-isptar, irriżulta li r-raġel kien pożittiv. 

Dan kien kkonfermat fl-istqarrija tad-Dipartiment tas-Saħħa, li qal li hu ġie lliċenzjat mill-Isptar Mater Dei fil-31 ta’ Awwissu filgħodu. L-istqarrija qalet li huwa ma kellu ebda ebda sintomi u ntbagħat id-dar. Madanakollu, l-istqarrija kompliet li l-qagħda tiegħu ddeterjorat b’mod rapidu u reġa’ ddaħħal l-Emerġenza, fejn ġie konfermat pożittiv għall-Covid-19.

Cauchi esprima d-dispjaċir tiegħu kif ħadd minn dawk li kienu qed jikkuraw lil missierhom l-isptar ma nduna bis-sintomi ta’ missieru. 

Cauchi saħaq li missieru qatt ma kellu jitħalla joħroġ f’ċirkostanzi fejn hemm pandemija ta’ dan it-tip, u fejn is-sintomi huma magħrufa minn kulħadd.“Agħar minn hekk, li kieku ma ċempilniex il-kamra mortwarja, ma konniex inkunu nafu li missierna miet bil-Covid-19.” 

Reazzjoni mill-Gvern

Newsbook.com.mt talab ir-reazzjoni tal-Ministeru tas-Saħħa dwar din id-dikjarazzjoni. Il-Ministeru wieġeb li Mater Dei huwa prekluż milli jgħaddi d-dettalji mediċi u/jew rapporti dettaljati tat-tobba tal-pazjent lill-media, peress li din hija informazzjoni personali ta’ natura sensittiva. Il-kelliema spjegat li l-qraba għandhom id-dritt li jikkomunikaw direttament ma’ Mater Dei fuq il-każ.