Għaliex m’għadnix nappoġġja lil Delia – Schiavone

Read in English.

Id-deputat Nazzjonalista Hermann Schiavone stqarr li huwa ħa d-deċiżjoni li jivvota kontra l-Kap tal-PN Adrian Delia minħabba li ħass li l-Partit għandu jingħata ċ-ċans biex ikollu tmexxija ġdida sabiex ikun alternattiva għall-Gvern.

Schiavone stqarr ma’ Newsbook.com.mt li huwa kien appoġġja lil Adrian Delia mill-bidunett u qal ukoll kif saħansitra ried joffrilu s-siġġu Parlamtari tiegħu anke jekk kien ilu jaħdem għalih għal dawn l-aħħar 30 sena.

Schiavone kien intervistat ukoll dwar xi jfisser ir-riżultat tal-istħarriġ li ġie ppubblikat dalgħodu. Huwa qal li kien sinnifikanti li mal-faxxa ta’ nies li fl-aħħar elezzjoni ġenerali ma vvutawx, Therese Comodini Cachia qed tirreġistra trust rating ta’ 9% filwaqt li Adrian Delia ma jirreġistra xejn.

“Ħadd mhu akbar mill-Partit, lanqas l-istess Kap”

Huwa saħaq li l-interess tal-Partit għandu dejjem ikun l-ewwel. Stqarr li “ħadd mhu akbar mill-Partit lanqas l-istess Kap”. Fl-istess intervista, Hermann Schiavone jgħid kif diversi xhur ilu huwa kien mar għand Adrian Delia biex jgħidlu li l-PN qed jagħżaq fl-ilma. Qal li dan kien qabel l-elezzjoni tal-Parlament Ewropew fl-2019.

Dwar id-deċiżjoni tiegħu li jivvota kontrih fil-Grupp Parlamentari, Schiavone qal li kien ta’ dispjaċir għalih li jieħu din id-deċiżjoni. Spjega li anke sħabu d-deputati ma ħadux pjaċir bid-deċiżjoni li ħadu għaliex fl-aħħar xhur ħadmu kemm setgħu fil-Parlament fejn qal li ġibdu ħabel wieħed fid-dekasteri tagħhom. Sostna li kulħadd għamel dak li seta’ biex jgħin lill-partit iżda stqarr li fl-aħħar mill-aħħar “in-numri huma dawk li huma”.

Huwa qabbel id-deċiżjoni ta’ dawk li qed jiddefendu lil Adrian Delia minħabba l-lealtà għamja li għandhom lejn il-Kap ma’ kif jagħmel nagħma (ostrich) meta jdeffes rasu fir-ramel u ma jismax minn ta’ madwaru.

Kisru l-istatut għax marru kontra l-Kap?

Hermann Schiavone qal li ma jaqbilx ma’ Adrian Delia meta jgħid li d-deputati li sfiduċjawh marru kontra l-istatut. Intervistat fuq Newsbook.com.mt is-Sibt, Adrian Delia spjega li peress li l-istatut tal-PN jesiġi li l-Kap tal-Oppożizzjoni għandu jkun il-Kap tal-PN, id-deputati li riedu jneħħuh mit-tmexxija fil-Parlament kienu qed jiksru l-istatut.

Schiavone stqarr li issa mhux id-deputati biss sfiduċjawh iżda issa anke l-Kumitat Eżekuttiv li mhux qed juri fiduċja fil-Kap b’maġġoranza assoluta. Qal li din hija xi ħaġa drammatika kif Eżekuttiv ta’ partit politiku jasal jivvota b’maġġoranza kontra l-Kap tal-istess partit għaliex hija l-aktar ħaġa diffiċli li jista’ jagħmel l-Eżekuttiv.

Huwa temm jgħid li jekk il-Kap tal-Partit jidhirlu li jrid ikeċċihom mill-partit huma jbaxxu rashom pero jgħid li dak li ma jkunux irnexxilhom jagħmlu huma bħala deputati jkun jista’ jagħmlu l-poplu f’elezzjoni ġenerali.