Għaliex ma ssirx fumigazzjoni fi skola meta jinstab każ tal-coronavirus?

DOI: Clifton Fenech

Meta jinstab każ tal-coronavirus f’xi skola, mhijiex issir fumigazzjoni, imma qed isir tindif normali.

Xi ġenituri esprimew it-tħassib tagħhom dwar dan ma’ Newsbook.com.mt. Mistoqsi minn din il-kamra tal-aħbarijiet fuq ir-raġuni għaliex, il-Ministru għall-Edukazzjoni Owen Bonnici qal li dan qed isir skont ma hu rakkomandat mill-istruzzjonijiet tal-awtoritajiet tas-saħħa.

Il-protokolli dwar il-ftiħ mill-ġdid għall-iskejjel, maħruġin f’Settembru, jgħidu li l-iskejjel għandhom jitnaddfu ta’ kuljum bi prodotti li jkunu approvati minn qabel. L-aktar metodu effettiv kif jitneħħa l-coronavirus minn fuq l-uċuħ huwa billi jintużaw l-ilma u s-sapun.

Apparti hekk, il-protokolli jgħidu li tajjeb li tintuża taħlita ta’ prodotti tal-ħasil u diżinfettant. It-tindif għandu jibda mill-aktar wiċċ tal-għamara nadif għall-iżjed maħmuġ. L-ilma għandu jinbidel ta’ spiss. Meta jitnaddaf xi wiċċ, imbagħad, għandu jitħalla niexef kemm jista’ jkun sabiex ma jkunx hemm tixrid tal-virus jew ta’ bakterja permezz tal-qtar.

Issa li l-każijiet tal-coronavirus fis-soċjetà żdiedu ġmielhom tant li lbieraħ inqabeż ir-rekord ta’ każijiet f’ġurnata b’204 każijiet, l-unjins tal-għalliema qed jerġgħu jappellaw sabiex l-iskejjel jingħalqu u t-tagħlim isir online.

Il-UPE tat ċans lill-Gvern s’għada biex joħloq djalogu magħha, inkellha, hija qed thedded li tagħmel strajk.

Aktar tagħrif fuq it-tindif tal-iskejjel hawn.