“Għaliex ma rreżenjajtx 3 snin ilu?” – Gafà lil Bartolo

Neville Gafà, li kien impjegat bħala person of trust mill-uffiċċju tal-Prim Ministru, attakka lill-Ministru Evarist Bartolo wara l-post tiegħu tal-bieraħ fejn ikkritika l-mod kif tul l-aħħar snin intużat il-kariga taċ-Chief of Staff.

Bartolo qal li tnejn mill-aħħar tliet Prim Ministri Maltin kellhom impjegati Chief of Staff li kienu b’saħħithom wisq. Fuq Facebook, Bartolo qal li f’Kastilja hemm bżonn Prim Ministru wieħed biss, dak elett demokratikament biex imexxi l-pajjiż. Huwa qal li mhux tajjeb la għad-demokrazija u lanqas għall-istess Prim Ministru li jkun hemm Chief of Staff b’saħħtu wisq.

B’reazzjoni għal dan, fuq Facebook, Gafà sostna li Bartolo messu rreżenja tliet snin ilu la ma kienx jaqbel. Sostna li minflok ikompli “jobżoq l-għodju”, Bartolo messu jmur jagħmel xogħolu.

Gafà qal li biex wieħed jikkonsġra jrid ikun pur. Dan propju qabel ma semma kif Bartolo kien attakka lill-Prim Ministru meta dan kien qed imexxi delegazzjoni Ewropea barra minn Malta. Intant temm jgħid li qabel ma Bartolo jikkritika lil Keith Schembri, li kien impjegat bħala Chief of Staff tal-Prim Ministru Joseph Muscat u rreżenja fl-aħħar ġimgħat, għandu jara x-xogħol li qed jagħmel hu.

Skont artiklu ppubblikat mit-Times of Malta erbat ijiem ilu, Neville Gafà huwa wieħed mill-viżitaturi frekwenti tal-villa ta’ Keith Schembri. Dan wara li Schembri rreżenja fis-26 ta’ Novembru.