Għaliex ma ħallewx lill-ġenituri jidħlu jekk l-LSE aġixxiet sew? – ġenituri lill-MUT

L-Għaqda Nazzjonali Ġenituri ta’ Persuni b’Diżabilità tkellmet dwar il-każ ta’ Diego, tifel ta’ erba’ snin bl-awtiżmu, u ommu li ssemma din il-ġimgħa, wara li l-omm sabet lil-LSE tat-tifel waqt il-Breakfast Club iċċanfar lil binha u xxejjer subagħha f’wiċċu. Dan wassal biex numru ta’ ġenituri juru t-tħassib tagħhom fuq l-imġiba tal-LSE, filwaqt li l-MUT u l-UPE qabżu għaliha u għall-aġir tagħha. L-Għaqda (NPSPD) qalet li tixtieq tkun taf għaliex l-iskola, l-għada tal-inċident, għamlet siġġu b’tabella li l-ġenituri ma jistgħux jgħaddu, ġaladarba l-LSE kienet aġixxiet sew. Hija staqsiet jekk humiex qegħdin jaħbu xi ħaġa.

L-Għaqda qalet li l-MUT qed tkun irresponsabbli billi tgħid li l-omm għandha titlob skuża lil-LSE għax wara li ġara dan l-inċident, l-awtoritajiet ikkonċernati ħassew li għandhom jieħdu azzjoni biex l-ebda ġenitur ma jitħalla jidħol ma’ wliedu fl-iskola. Hija staqsiet lill-MUT kif din setgħet taċċerta li l-aġir tal-LSE kien kif suppost, u li l-iskola ħadet azzjoni biex tkompli taħbi dak li verament ikun qed jiġri. “Aħna nemmnu li jekk m’hemm xejn x’taħbi, il-ġenituri għandhom jitħallew jidħlu hekk kif kien isir sa qabel dan l-inċident. Min m’għandu xejn fuq xiex jinkwieta għandu jiftaħ il-bibien beraħ ħalli kulħadd ikun jista’ jagħmel il-konklużjoni tiegħu,” qalet l-Għaqda.

“Naħfrilha lil-LSE” – omm tifel bl-awtiżmu; L-MUT tistenna apoloġija mingħand l-omm

Skont l-għaqda tal-ġenituri, b’azzjonietha, l-MUT “tipprova tbeżża’ minflok ma taħdem qatigħ biex tagħmel il-ġid għall-aħjar ta’ kulħadd.”

Qalet li hi tifhem li l-edukaturi fil-maġġoranza tagħhom jagħmlu kif suppost u huma dedikati, iżda xorta waħda tirrikonoxxi li hemm min l-interess tiegħu huwa biss li jitħallas filwaqt li jew ma jagħmel xejn jew jagħmel xogħol ħażin.

Għaldaqstant, l-Għaqda ssuġġeriet li l-MUT tippromwovi sistemi ta’ rikonoxximent għall-membri tagħha stess biex b’hekk tassigura li kulħadd jieħu dak li ħaqqu. Hija ħeġġet ukoll li jiġu installati l-kameras tas-sigurtà f’kull parti tal-iskola. Barra minn hekk, uriet ix-xewqa li l-Ministeru tal-Edukazzjoni jippubblika statistika riċenti ta’ kemm irċivew ilmenti fuq l-edukaturi. 

Filmat: “It-tifel beda jsawwat” – għalliema; “Għajtet ma’ ibni bl-awtiżmu” – omm

Il-ġenituri temmew jgħidu li filwaqt li qegħdin jittieħdu miżuri għal strutturi biex jipproteġu lill-edukaturi, il-ġenituri m’għandhomx fejn jirrikorru biex isibu min jismagħhom, jifhimhom u jaqbeż għalihom.

L-Għaqda Nazzjonali Ġenituri ta’ Persuni b’Diżabilità rringrazzjat lil Sefora Tabone tal-kuraġġ li bih tkellmet dwar dak li rat, anke jekk kien hemm xi konsegwenzi għal dan. Żiedet tgħid li qatt ma’ tista’ taċċetta l-ebda forma ta’ aggressività u nuqqas ta’ rispett, kemm lejn l-awtoritajiet, kif ukoll lejn il-ġenituri u t-tfal.