Għaliex l-UE rrabjata ma’ Malta -Bloomberg

Arkivji

L-aġenzija tal-aħbarijiet awtorevoli tad-dinja tan-negozju Bloomberg iddeskriviet lil Malta bħala “l-iżgħar pajjiż tal-Unjoni Ewropea fejn tidħol il-popolazzjoni sar ċentru għall-muniti virtwali u l-logħob tal-ażżard online qed jiffaċċja allegazzjonijiet ta’ korruzzjoni u ħasil ta’ flus.”

F’artiklu bl-isem ta’ “Għalfejn l-UE hija rrabjata ma’ Malta”, l-awtur tal-artiklu Monte Reel ta ħarsa ġenerali dwar is-sitwazzjoni soċjali, politika, u ekonomika f’Malta u kif il-pajjiżi l-oħra fl-UE iħarsu lejn il-pajjiż. L-artiklu jistaqsi jekk Malta begħitx ir-ruħ tagħha biex tagħti spinta lis-settur finanzjarju.

Bloomberg qal li diversi investigazzjonijiet – minn maġistrati lokali, prosekuturi Amerikani, u politiċi Ewropej u regolaturi bankarji – ilhom jagħfsu fuq is-setturi finanzjarji u politiċi Maltin għal aktar minn sena. Mhix sorpriża li tissemma Egrant.

Bloomberg qal li “l-inkjesta li damet 15-il xahar f’waħda mill-aktar allegazzjonijiet jaħarqu – fejn ġie allegat li l-mara tal-Prim Ministru Michelle Muscat kienet direttament involuta fi twaqqif ta’ kumpanija għall-ħasil tal-flus- intemmet lejn l-aħħar ta’ Lulju mingħajr ma sabet evidenza li kienet tiġġustifika azzjoni kriminali.” L-artiklu jżid jgħid li l-kritiċi tal-Gvern, kemm f’Malta u anke dawk barra minn Malta għadhom konvinti li l-allegazzjonijiet huma marbutin ma skandli oħrajn u mal-kriminalità.

L-artiklu ta’ Bloomberg janalizza wkoll l-impatt tal-iskema tal-bejgħ tal-passaporti fejn jidħlu l-affarijiet fiskali u anke l-effetti oħra fuq is-swieq tal-propjetà u tan-negozju.

Il-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia jissemma b’mod prominenti fl-artiklu u intqal li “il-qtil immarka mument ta’ bidla għal Malta. Il-ħsieb li l-korruzzjoni setgħet infiltrat l-ekonomija Maltija issa infirex aktar ‘il bogħod mill-partit tal-Oppożizzjoni, u għajnejn id-dinja daru għal fuq dan il-pajjiż ċkejken. Malta ilha tbati biex tnaddaf isimha minn dakinhar.” Filwaqt li kkwota l-opinjoni tal-Awtorità Bankarja Ewropea (EBA) dwar “nuqqasijiet serji u sistematiċi” fis-sistema regolatorja bankarja Maltija Bloomberg qal li “r-riżultat ta’ dan kollu huwa l-pesta tas-suspett”.

Tista’ taqra l-artiklu sħiħ ta’ Bloomberg minn hawn.