Għaliex koppja Maltija telqet mix-xogħol biex tmur l-Asja?

Koppja żagħżugħa Maltija li jaħdmu bħala għalliema, waqqfu mix-xogħol sabiex jagħmlu erba’ xhur iduru pajjiżi differenti fil-kontinent Asjatiku. Tiziana Zammit u Benjamin Darmanin, spjegaw ma’ Newsbook.com.mt li għamlu kważi sentejn ifaddlu sabiex ikunu jistgħu iwettqu din l-avventura li kienet ilha ħolma tagħhom għal bosta snin.

Tiziana rrakkuntat kif bdew billi qatgħu l-biljett minn Malta għat-Tajlandja u dak tagħhom data li kienet tfisser li riedu jġemmgħu biżżejjed flus biex jgħixu għal dawk ix-xhur barra. Spjegat li ppjanaw il-vjaġġ biċċa biċċa, ftit kull ġimgħa.

Tiziana rrimarkat li biex tagħmel avventura bħal din ma tridx toqgħod tibża’ li se titlef ix-xogħol jew minn dak li jistgħu jgħidu dwarek in-nies. Spjegat li meta wieħed jippjana li jagħmel vjaġġ bħal tagħhom għandu jibda billi javża lil tax-xogħol u jitlob il-permessi, jara x’inhuma l-inċentivi fuq ix-xogħol, u jassigura li jkun hemm xi tip ta’ handover għal min ikun se jagħmel ix-xogħol tiegħu.

Ben spjega kif huma bosta dawk li jagħmlu dan il-pass u jsiefru għal xhur twal. Irrakkonta kif waqt li kienu l-Kambodja ltaqgħu ma’ żewġ Maltin oħrajn u qattgħu jumejn flimkien. Ben spjega li minkejja li ppjanaw ħafna affarijiet qabel ma marru, ħallew lok sabiex jibdlu l-pjanijiet meta jkunu hemm. Qal kif ħafna mill-postijiet li krew sabiex ikunu jistgħu iqattgħu l-lejl kienu tat-tip li faċilment tikkanċellhom.

Ben spjega li jekk taf li ħa jkollok bżonn €100 fix-xahar, hemm bżonn tfaddal €140 jew €150 biex jekk jinqala’ xi ħaġa meta tkun hemm, jew meta terġa’ tiġi lura Malta, jkollhom biex tkompli l-ħajja. Sostna l-importanza li ma tibżax tħalli l-affarijiet warajk.

Tiziana sostniet fuq l-importanza li tfaddal, spjegat li meta tmur fix-Xlokk tal-Asja ma jagħtukx permess biex taħdem, sakemm ma jkollokx permess speċjali li taħdem bħala tabib. Madanakollu ma jissuġġerux li wieħed isib xogħol hemm.

Irrimarkat li hemm lok għal ħafna volontarjat. Infatti flimkien ħadmu ma studenti Universitarji tal-pajjiż sabiex jgħinu fil-bini ta’ dar ġdida għal familja fqira.

Tista’ tara bosta ritratti mill-avventura ta’ Tiziana u Ben fuq il-paġna ta’ Facebook tagħhom.