Għaliex it-tfal huma inqas protetti meta jużaw Youtube?

Skont persuni li jimmoniterjaw l-attività onlajn fuq Youtube.com, qed ifallu uħud mill-kontrolli li jipproteġġu lit-tfal waqt li jużaw dan is-sit.
Dawn il-volontiera li jissejħu “online watchdogs” qed isostnu li l-mekkaniżmu ta’ Youtube li jikkontrolla l-kontenut tal-filmati li jittellgħu onlajn, mhux qed ilaħħaq mal-eluf ta’ rapporti li jidħlulu mill-pubbliku.
Qed jgħidu wkoll li l-kumpanija qed twieġeb biss għall-parti żgħira ħafna minn dawn l-ilmenti li qed jidħlulha dwar kontenut jew kummenti mhux xierqa.
Volontier ta’ Youtube qal li għamel iktar minn 9,000 rapport f’xahar dwar kontenut li ma jkunx skont il-linji-gwida tas-sit, iżda li ma ttieħditx azzjoni dwarhom.
Ħafna minn dawn ir-rapporti mhumiex pornografiċi iżda juru tfal u żgħażagħ f’azzjonijiet “innoċenti” li jagħmlu ta’ kull filgħodu, fosthom tutorials dwar make-up, dwar stili tax-xagħar, eżerċizzji fiżiċi jew sempliċiment li juruhom fil-ħajja tagħhom ta’ kuljum bħal meta jiltaqgħu ma’ ħbiebhom.
Espert sostna li dak li jikkawża l-ikbar ħsara lit-tfal, huma l-kummenti li jittellgħu taħt il-filmati. Dawn jinkludu kummenti indirizzati lejn il-“Youtubers” biex itellgħu filmati b’inqas ħwejjeġ, biex jitkellmu dwar ġisimhom, kif ukoll kummenti b’referenzi sesswali espliċiti.
Il-biża’ ta’ diversi għaqdiet li jaħdmu favur il-protezzjoni tat-tfal, hija li n-nuqqas ta’ azzjoni minn Youtube qed twassal biex dan is-sit ikun fil-mira ta’ pedofeli madwar id-dinja.