Għaliex it-tfal fil-kindergarten ma jridux jilbsu maskra l-iskola? – UPE

children-going-to-school
Miguela Xuereb

Read in English.

L-Unjin għall-Edukaturi Professjonali (UPE – Voice of the Workers) esprimiet it-tħassib tal-membri tagħha li jgħallmu lil tfal żgħar fl-iskejjel dwar id-deċiżjoni tal-Ministeru għall-Edukazzjoni li tfal li għandhom bejn tlieta u ħames snin ikunu eżentati mill-ilbies tal-maskri. Dan minkejja li l-awtoritajiet tas-saħħa qalu li t-tfal li għandhom aktar minn tliet snin iridu jilbsu l-maskra.

Fil-konferenza tal-aħbarijiet li saret nhar il-Ġimgħa li għadda, meta ġie infurzat l-ilbies tal-maskri fil-pubbliku sabiex titrażżan l-imxija tal-virus, is-Supretendent għas-Saħħa Pubblika Prof. Charmaine Gauci semmiet xi eċċezzjonijiet, li jinkludu tfal li għandhom inqas minn tliet snin. Madankollu, il-UPE qalet li jumejn biss wara din il-konferenza, hi ġiet infurmata li l-maskri se jintlibsu minn Grade 1, jiġifieri mill-istudenti ta’ ħames snin ‘il fuq.

L-unjin qalet li kienet tifhem li kieku din l-eżenzjoni min-naħa tal-Ministeru kienet tapplika għal każijiet partikolari ta’ tfal li jbatu b’xi kundizzjoni jew li għandhom xi diżabbiltà, imma li din tapplika għat-tfal kollha fil-kindergarten hija xi ħaġa inkonċepibbli.

Kompliet tispjega li dawn it-tfal se jkunu bla maskra huma u jitħalltu ma’ bejn 12 u 15-il tifel u tifla oħra u ma’ żewġ adulti f’post magħluq. Staqsiet allura, kif il-maskra hi infurzata f’supermarket, fit-triq, ġol-karozza tal-linja, imma mbagħad mhix infurzata ġol-klassi fejn isir dan it-taħlit.

Il-UPE tat ultimatum lill-Gvern biex jidħol fi djalogu magħha filwaqt li qalet li se toħroġ direttivi u tista’ teskala s-sitwazzjoni bi strajk jekk it-talba tagħha ma tiġix aċċettata fiż-żmien stipulat. 

L-ultimatum tal-UPE
Il-UPE thedded bi strajk

Taqbel li l-maskri jintlibsu fil-kindergarten?

Ikkummenta hawn taħt jew ibagħtilna fuq info@newsbook.com.mt