Għaliex in-nanna ma tridx tibqa’ iżjed f’Agii?

Dalgħodu fuq TVM fl-10.15am tkompli s-sensiela Il-Misteru tan-Nannu Ton fejn fl-ewwel episodju naraw kif tnejn mit-tribù ta’ Agii jaslu għand Brimbu bil-velenu u jgħidulu li dan huwa mingħand Wagu.

Waqt li Wagu jkun fi triqtu għal għand Brimbu jinħakem mis-seħer ta’ Xewka. Brimbu jirnexxielu jeħlisha mill-velenu ta’ Xewka, eżatt fil-ħin. Imma Xewka se tieqaf hawn? Jew terġa’ tipprova u tibqa’ tipprova sakemm fl-aħħar iġġibha żewġ u tilħaq hi r-Reġina ta’ Agii?

F’nofs dan kollu il-Ktieb tal-Misteri għadu mitluf. Min-naħa l-oħra n-nanna ma tridx tibqa’ iżjed f’Agii. Issa li l-missjoni ta’ Mark u Sharon lesta, Nusu jinsab imdejjaq għax qed jibża’ li Mark u Sharon se jabbandunawh. Possibli?

Fit-tieni episodju tal-lum naraw kif waqt li Brimbu u Warda qed jippreparaw għall-mawra tagħhom fid-dinja tagħna, Xewka qed tipprepara affarijiet oħra, saħansitra hi ukoll qed taħseb għall-mawra tagħha. Fejn sejra Xewka?

Fl-istorja issa tasal is-sinjura Spedit! Min hi din s-sinjura u xi trid eżatt? U mingħand min? Jekk Xewka tkun taf li Brimbu u Warda marru fid-dinja tal-bnedmin, x’se jigri?

Nusu, mill-banda l-oħra, qed jipprepara ruħu biex Agii tkun tista’ tkompli titmexxa mingħajr inkwiet. Mark u Sharon jinsabu ferħana li Brimbu u Warda ġejjin fid-dinja tagħna.

Iżda ma jafux li hemm affarijiet oħra li se jinqalgħu, u xejn ma huma sbieħ!

Jieħdu sehem: Jurgen Ciantar, Carly Zarb, Raoul Briffa, Dylan Hili, Amarea Camilleri, Rebecca Ferrante, Louise Cassar u Mike Mifsud fost oħrajn.

Is-sensiela għandha kitba ta‘ Dominic Said, produzzjoni ta‘ Hermann Bonaci u direzzjoni ta‘ Frida Cauchi.