Għaliex il-Prim Ministru ta’ New Zealand ma ddaħħlitx f’ristorant?

Jacinda Ardern, il-Prim Ministru ta’ New Zealand, mas-sieħeb tagħha Clarke Gayford

Jacinda Ardern, il-Prim Ministru ta’ New Zealand, flimkien mas-sieħeb tagħha Clarke Gayford il-bieraħ is-Sibt marret f’ristorant fil-belt kapitali Wellington iżda ma tħallietx tidħol għax ma kienx hemm post għaliha minħabba s-social distancing li kien hemm fil-post.

Il-każ kien rappurtat fuq Twitter li min bagħtu qal li twaħħax meta r-ristorant Olive ma għamilx post għall-Prim Ministru Laburista. Kwarta wara reġa’ poġġa tweet ieħor fejn semma’ li kienu rranġaw u sabu post għaliha.

Ir-ristorant Olive li ma kellux post għal Jacinda Ardern

Jacinda Ardern u s-sieħeb tagħha bdew mexjin biex isibu post ieħor. Meta kienu waslu fit-tarf tat-triq issejħu lura minn wejter tal-Olive li mar jiġri warajhom biex jilħaqhom u jgħidilhom li kien hemm post għalihom għaliex kienet tbattlet mejda.

Wara dan l-inċident Clarke Gayford qal li dak li ġara kien kollu ħtija tiegħu għaliex ma kienx organizzat u ma ċempilx minn qabel biex jibbukkja post.

“Iżda l-Prim Ministru lesta biex tkun trattata bħal kulħadd fil-pajjiż,” kiteb. “Ma tistenniex li jinkisru l-liġijiet dwar il-Covid-19 minħabba fiha.”