Għaliex il-Prim Ministru ddefenda lil Neville Gafà?

Kull min ilbieraħ qara l-aħbar fuq il-faċċata tal-gazzetta Times of Malta li d-Deputat Prim Ministru Chris Fearne neħħa lil Neville Gafà mill-impjieg tiegħu bħala person of trust ma’ waħda mill-organizzazjonijiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu, ħa r-ruħ. Dawn irraġunaw li, fost l-awtoritajiet, hawn min irid jgħaddi l-messaġġ li f’dan il-pajjiż mhux kollox jgħaddi. Kien sinjal għal ħafna li, fost l-awtoritajiet, hawn min jesiġi li min jaħdem fil-qasam pubbliku jeħtieġlu jirrispetta ċerti standards.

Ir-raġuni hija sempliċi: is-Sur Gafà għadda minn allegazzjoni għaloħra ta’ mġiba mhux denja qisu qatt ma ġara xejn. Dan l-aħħar kien irrappurtat li s-Sur Gafà kien żar il-Libja u ltaqa’ ma’ uffiċjali tal-Gvern bħala l-mibgħut uffiċjali tal-Prim Ministru Malti. Gafà  aktar tard qal li mar fuq żjara personali. Imbagħad ħarġet l-allegazzjoni li kien iltaqa’ ma’ xhieda f’każ kontrih biex jipperswadihom ma jixhdux. Sa issa ma ħariġx fil-pubbliku li Gafà fetaħ xi każ il-Qorti biex iwaqqa’ din l-allegazzjoni. Qisu dan ma kienx biżżejjed, il-gazzetta Times of Malta kienet irrappurtat li meta kien il-Libja, Gafà ltaqa’ ma’ Haithem Tajouri, il-mexxej ta’ waħda mill-milizji l-aktar magħrufafil-Libja, b’allegazzjonijiet ta’ diversi atti li jiksru d-dinjità tal-bniedem. Gafà qal li ‘kumbinazzjoni’ iltaqa’ miegħu fit-triq.

Għalhekk id-deċiżjoni tad-Deputat Prim Ministru dehret bħala sinjal ċar favur governanza tajba.

Il-Prim Ministru bierek kollox

Iżda wara nofsinhar il-Prim Ministru Muscat qaleb dan kollu u ta l-barka tiegħu lil Gafà billi qal  li huwa jagħmel xogħol tajjeb ħafna. Mhux ċar għal liema xogħol kien qed jirreferi l-Prim Ministru peress li fil-Parlament, tliet ministri, inkluż il-Prim Ministru qalu li Gafà ma jaħdimx fil-ministeri li jmexxu.

Fearne jdoqq l-irtirata

Wara l-barka tal-Prim Ministru, kelliema għad-Deputat Prim Ministru daqqet l-irtirata. Hija qalet li Gafà  “ilu fil-prattika ma jaħdimx fis-segretarjat tal-Ministeru għas-Saħħa għal aktar minn sentejn”. Dan minkejja li dokumenti uffiċjali juru mod ieħor. Kompliet tgħid li d-deċiżjoni dwar Gafà mid-Deputat Prim Ministru kienet “proċess amministrattiv sabiex jinqaleb il-kuntratt tas-Sur Gafa mill-FMS għal entità oħra u ma huwa relatat mal-ebda storja fil-midja”.

It-tama li hawn min fl-amministrazzjoni jimpurtah mill-governanza tajba taret mar-riħ.

Il-Prim Ministru ilu jiddefendi lill-Ministru Konrad Mizzi u liċ-Chief of Staff tiegħu Keith Schembri minkejja li diversi fatti ppruvati li issa ilhom snin fil-pubbliku u li messhom wasslu għat-tkeċċija tagħhom. Iżda issa jidher li l-Prim Ministru se jiddefendi wkoll aġir indifensibbli ta’ Neville Gafà.

Il-mistoqsija l-għala qed jagħmel hekk toħroġ waħedha. Ir-reazzjoni ta’ ħafna li mhux aċċettavbli li l-Prim Ministru jagħmel hekk hija reazzjoni ta’ kull min fil-pajjiż jemmen li f’pajjiżna mhux sew li kollox jgħaddi. Kif l-anqas mhu sew li nkomplu nħallu l-istandards ta-governanza tajba jinstabtu mal-art.