“Għaliex il-PM indaħal fit-taxxa tiegħi imma m’għamilx l-istess fuq Cutajar?” – Grech

Aġġornat 07:43 PM
Robert Rosianne Bernard

Read in English.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech staqsa għaliex il-Prim Ministru Robert Abela ndaħal fil-materji tat-taxxa ta’ Grech, iżda m’għamilx l-istess fuq is-Segretarju Parlamentari Rosianne Cutajar.

Dan kitbu fuq Facebook b’rabta mal-aħbar li ġiet żvelata riċentament li Cutajar ħadet flus minn senserija li għamlet fuq dar li xtara Yorgen Fenech fl-Imdina. It-Times żvelat ukoll nhar il-Ħadd li għadda, li l-Prim Ministru Robert Abela bagħat xi messaġġi lil Marvin Gaerty, il-Kummissarju tat-Taxxi Interni, biex jistaqsi fuq it-taxxi pendenti ta’ Bernard Grech.

Ilbieraħ, iżda, il-Prim Ministru stqarr li hu ma talabx informazzjoni dwar il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech lill-Kummissarju tat-Taxxi Interni, iżda kien hu li għadda l-informazzjoni li rċieva. Huwa qal lill-Kummissarju tat-Taxxi Interni li kellu informazzjoni li Grech kellu kwistjoni mat-taxxa li kienet ilha s-snin u li din l-informazzjoni waslet għandu minn sors ġol-Partit Nazzjonalista.

Grech illum sfida lill-Prim Ministru biex jippubblika l-formoli tat-taxxa tiegħu u tal-VAT, u jiddikjara jekk qattx iddiskuta t-taxxi tiegħu mal-Kummissarju tat-Taxxi Interni, kif għamel fuq it-taxxi ta’ Bernard Grech.

Skont il-Kap tal-Oppożizzjoni, jekk jonqos milli jagħmel dan, il-Prim Ministru għandu ħafna x’jispjega. Grech temm jgħid li, “Illum nafu li Robert Abela minn fuq joffrilek l-id tal-ħbiberija u minn taħt ikun qed jikkonfoffa kontrik.”

Issa li l-Prim Ministru ammetta li abbuża mill-poter tiegħu u ndaħal f'materji tat-taxxa tiegħi, tajjeb jgħidilna…

Posted by Bernard Grech on Tuesday, December 29, 2020

Il-kwistjoni ta’ Rosianne Cutajar

Fl-20 ta’ Diċembru, il-gazzetti Times of Malta u MaltaToday ppubblikaw stejjer fejn qalu li Cutajar ħadet €46,500 fi flus kontanti, u mbagħad ma ddikjarathomx lill-Kabinett. Dawn bħala miżata tas-servizzi tagħha bħala sensar. Persuna viċin tagħha, Charlie Farrugia ‘it-Tikka’, ukoll ġie msemmi fir-rapporti li ħa €46,500. Intant, skont ir-rapporti, sid il-propjetà qed ifittex il-flus lura wara li l-ftehim għall-bejgħ ma nżammx.

Ir-rapporti jgħidu li Yorgen Fenech iffirma konvenju, u ħallas depożitu ta’ €300,000. Il-ftehim ġie ffirmat f’Mejju tal-2019, meta Fenech kien diġà magħruf bħala s-sid ta’ 17 Black, iżda l-ftehim kellu jiġġedded numru ta’ drabi għax Fenech kellu bżonn iżjed ħin biex jikseb il-flus. Il-ftehim eventwalment spiċċa fix-xejn meta Fenech ġie arrestat.

“Kulħadd jaf li dam snin jevadi t-taxxa” – PL

Il-Partit Laburista rreaġixxa għal dak li qal Bernard Grech billi qal li Grech ipprova jiżvija l-konverżazzjoni mill-aħbar tal-vaċċin li wasal f’Malta u beda jingħata lill-Maltin f’dawn il-jiem. Imma issa, skont il-PL, dan id-diversiv “sploda f’wiċċu.”

Kliemu fuq it-taxxa fakkar lil kulħadd “li għal snin twal hu kien serial tax evader, li qatt ma ndenja ruħu jħallas taxxa,” stqarr il-PL.

Il-Partit qal li wara snin twal ma jħallasx, Grech spiċċa mar biex jibda jħallas meta l-establishment tal-Partit Nazzjonalista għażel lilu minflok Adrian Delia, u nstab responsabbli ta’ evażjoni ta’ taxxa.

Issokta jgħid li l-aħbar ħażina għal Grech hi li għad hemm ħafna mistoqsijiet xi jrid iwieġeb.