“Għaliex il-PM għadu ma ppubblikax x’sab il-kumitat fuq il-kostruzzjoni?” – L-Oppożizzjoni

Miriam-Pace-Hamrun-site

Read in English.

L-Oppożizzjoni kkritikat id-dewmien tal-Gvern fuq ir-riformi meħtieġa fil-qasam tal-bini, u staqsiet għaliex il-Prim Ministru Robert Abela għadu ma ppubblikax il-konklużjonijiet tal-kumitat li ħatar hu stess biex jevalwa l-liġijiet tal-kostruzzjoni, wara t-traġedja li seħħet fil-Ħamrun f’Marzu li għadda.

Fit-2 ta’ Marzu tal-2020, Miriam Pace sfat maqtula f’darha stess meta ġġarrfet il-binja waqt li kien għaddej xi xogħol tal-kostruzzjoni biswitha. It-tfittxija għaliha damet għaddejja sigħat u fl-aħħar instabet bla ħajja qalb it-tifrik.

Jumejn ilu, fl-10 xahar mill-mewt ta’ Miriam, żewġha Carmel ikkritika kif il-ġrajja donnha ntesiet u r-rabja li kienet xegħlet pajjiż dakinhar, issa qisha ntefgħet taħt it-tapit. Huwa staqsa għaliex ma ntlaqgħetx it-talba ta’ familtu li tinħatar inkjesta pubblika fuq dak li seħħ sabiex jiġi żvelat jekk kienx hemm xi nuqqasijiet min-naħa tal-istituzzjonijiet b’rabta mal-kostruzzjoni.

Il-Prim Ministru Robert Abela kien qal li meta jerġa’ jibda l-Parlament f’Ottubru, jgħaddi liġi sabiex in-nies ikunu aktar siguri f’darhom, iżda 10 xhur wara li seħħet din it-traġedja, għadha m’għaddiet l-ebda liġi fuq dan.

L-Oppożizzjoni wriet diżappunt fuq dan id-dewmien. Stqarret li għalkemm l-intenzjoni tal-Gvern li sa fl-aħħar iwaqqaf awtorità fuq il-bini u l-kostruzzjoni hi waħda tajba, dan mhux biżżejjed.

Fil-fehma tal-Oppożizzjoni, skont l-istqarrija ffirmata mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Kostruzzjoni Kevin Cutajar, il-pubblikazzjoni tal-konklużjonijiet tal-kumitat, u allura l-opportunità biex ikun hemm rispons xieraq mis-settur, għandu jkun l-ewwel pass biex ir-riformi jitilqu fuq sieq tajba.

Lejn l-aħħar t’April tal-2020, il-Prim Ministru kien qal li r-rapport tal-kumitat huwa konkluż.

“Fin-nuqqas ta’ passi sinifikattivi min-naħa tal-Gvern Laburista biex ir-riformi meħtieġa fis-settur tal-bini jsiru sew u jiddaħħlu malajr kemm jista’ jkun, kull mument li jgħaddi se jkompli jżid ir-riskju ta’ aktar inċidenti f’dan is-settur. Hu dan li jridu l-Prim Ministru Robert Abela u l-Gvern tiegħu? Ir-responsabbiltà tinsab kollha kemm hi fuq spallejhom.”