‘Għaliex il-PM għadu ma ppubblikax id-dikjarazzjoni tal-assi tal-Ministri?’

Id-Deputat Nazjonalista Chris Said staqsa fil-Parlament għaliex il-Prim Ministru Joseph Muscat għadu ma qiegħedx fuq il-mejda tal-Kamra tar-Rappreżentanti d-dikjarazzjoni tal-assi tal-Ministri, meta din, skont il-prassi, soltu titqiegħed fl-ewwel opportunità f’April. Appella biex dawn jiġu ppubblikati mill-aktar fis.
Said fetaħ id-diskors tiegħu dwar id-dibattitu fil-Parlament tal-bieraħ dwar il-mozzjoni ta’ sfiduċja fil-Gvern. Sostna li ebda kelliem min-naħa tal-Gvern ma semma l-iskandlu tal-Panama jew iddefenda lill-Ministru Konrad Mizzi jew lill-Kap tal-Uffiċċju tal-Prim Ministru Keith Schembri.
Allega li dan għaliex anki d-deputati f’isem il-Partit Laburista stess ma jemmnux dak li ntqal sal-lum fuq dan l-iskandlu, anzi jaqblu ma dak li qed tgħid l-Oppożizzjoni.
Qal li dan minħabba l-kontradizzjonijiet li ħarġu s’issa fosthom dwar ir-raġuni għaliex infetħu t-trusts – oriġinarjament intqal dwar immaniġġjar ta’ proprjetà, eventwalment kien iddikjarat f’applikazzjoni li nfetħu għal ‘konsulenza u senserija’ u finalment ‘għal riċiklaġġ u remote gaming’.
Chris Said irrimarka kif fil-Brażil, El Salvador u l-Panama stess il-pulizija issekwestrat il-kompjuters ta’ Mossak Fonseca u r-rappreżentanti tagħha u staqsa għaliex f’Malta, fejn ir-rappreżentanti ta’ Mossak Fonseka huma l-konsulenti li taw il-pariri lil Konrad Mizzi u Keith Schembri, Nexia BT, “il-pulizija ma għamlet xejn u jidher li ma trid tagħmel xejn”. Dan, huwa sostna, qed jirrabja bil-kbir lill-poplu Malti għaliex “qed juri li pajjiżna mhux lest jiġġieled il-korruzzjoni”.
Iddeskriva r-rebħa tal-Gvern fil-vot ta’ fiduċja tal-bieraħ bħala rebħa vojta għax waqt li rebaħ bin-numri “tilef il-qalb u l-moħħ tal-poplu intelliġenti Malti u Għawdxi”.
Huwa sostna li skont il-prassi l-Ministri jagħtu lis-Segretarju tal-Kabinett id-dikjarazzjoni tal-assi sal-31 ta’ Marzu u eventwalment il-Prim Ministru jippubblikaha fuq il-mejda tal-Kamra fl-ewwel opportunità.
Staqsa kif wara li għaddew 19-il ġurnata l-Prim Ministru għadu ma ppubblikax dawn id-dikjarazzjonijiet, iżjed u iżjed meta diġà kellu abbozz ta’ xi dikjarazzjonijiet f’idejh bħal ma kellu ta’ Konrad Mizzi.
Sostna li dan qed iżid il-mistoqsijiet u jekk il-Prim Ministru jrid inaqqas l-inċertezza għandu jippubblika din id-dikjarazzjoni.
Staqsa jekk il-Gvern hux qed jibża’ li jistgħu joħorġu iktar dettalji u jaf li jekk ikun ippubblika d-dikjarazzjonijiet tal-assi, allura dawn ma jkunux jistgħu jinbidlu.
Huwa sostna li frott il-kriżi tal-Panama l-Gvern jinsab wieqaf u qed jittieħdu deċiżjonijiet ta' paniku li jwasslu għal iżjed taħwid u possibbilment korruzzjoni.