“Għaliex ħallejtna?” Mijiet ta’ messaġġi għal Christa

Christa Formosa kienet tfalja simpatika, ta’ qalb tajba u mimlija enerġija. Hekk qed jiddeskrivuha bosta minn sħabha li jinsabu xxukkjati għall-mod kif tilfet ħajjitha l-mudella u ħaddiema soċjali ta’ 23 sena.
Sa nhar il-Ġimgħa, Christa kienet għadha mimlija ħajja tifraħ u tiċċelebra ma' ħbiebha.
Xi nies li ħadmu magħha fil-karriera tagħha bħala mudella fakkru l-professjonalità ta’ Christa, kif ukoll id-determinazzjoni tagħha.

Oħrajn li kienu magħha l-iskola, kemm fi żmien is-sekondarja, kif ukoll l-Università ftakru fil-memorji li kellhom ma’ Christa, fiż-żifna tal-aħħar tal-Form 5 fl-iskola ta’ Santa Tereża fl-Imrieħel, u fil-bosta ħarġiet u diskussjonijiet li kellhom flimkien.

Il-maħbub tagħha jgħid li ma’ jistax jemmen li Christa ħallietu u li diġà qed iħoss in-nuqqas kbir li ħalliet warajha.

Skont il-Pulizija, ilbieraħ filgħodu ż-żagħżugħa tilfet il-kontroll tal-karozza tagħha, qabdet bankina, qaċċtet siġra u baqgħet dieħla f’arblu fi Triq Għajn Rihana f’Burmarrad.
Fuq il-post kellhom jissejħu membri tal-Protezzjoni Ċivili sabiex joħorġu lit-tfajla mill-karozza. Hija kienet ittieħdet l-isptar Mater Dei f'kundizzjoni serja.