Għaliex għadek ma rċevejtx l-istipendju?

Jekk issottomettejt id-dokumenti tal-applikazzjoni għall-istipendju bejn pagament ta’ stipendju u ieħor, se jkollok tistenna sal-istipendju ta’ wara.

Dan ġie kkonfermat ma’ Newsbook.com.mt minn kelliem għall-Ministeru għall-Edukazzjoni wara li għadd ta’ persuni spjegaw li ma rċevewx l-istipendju tagħhom f’Jannar.

Il-kelliem spjega li kull min huwa eliġibbli, applika u għadda d-dokumenti meħtieġa kollha ngħata l-istipendju. Qal li minħabba li l-istipendju joħroġ darba kull erba’ ġimgħat. Spejga li min ikun għadda d-dokumenti fil-perjodu ta’ bejn stipendju u ieħor ikollu jistenna sal-istipendju ta’ wara biex jingħatalu l-istipendju.

Spjega li l-istipendju jinħadem mad-dati tal-paga tal-ħaddiema tal-Gvern għalhekk ikun hemm dati stabbiliti sa meta l-uffiċċju tal-istipendji jkun jista’ jgħaddi l-informazzjoni biex jinħareġ l-istipendju għall-applikanti. Il-kelliem qal li jkun hemm drabi fejn student ikollu jistenna xi ftit ġimgħat minn meta jkun għadda d-dokumenti kollha neċessarji għax dan ikun wara d-data li tagħlaq il-payroll.

Intant, il-kelliem spjega r-rati differenti tal-istipendju. Ir-rata bażika tal-istipedju għall-2019 kienet dik ta’ €89.40 fix-xahar. Intant, minn Jannar tal-2020, ir-rata tal-istipendju telgħet għal €90.93 fix-xahar, skont l-għoli tal-ħajja. Spjega li hemm rati għola għal korsijiet partikolari.

Il-kelliem qal li l-ewwel pagament joħroġ f’Novembru tas-sena skolastika u jibbenefikaw minnu l-istudenti li applikaw sew bid-dokumentazzjoni kollha meħtieġa u fil-ħin. Qal li d-data tapplika għall-iskejjel kollha u għall-istudenti li japplikaw fil-ħin.

Ġenitur partikolari li tkellem ma’ Newsbook.com.mt, spjega li bintu kienet bdiet tattendi l-MCAST u ftit wara bidlet l-iskola u bdiet tattendi l-Junior College. Hu qal li sa minn Ottubru, jiġifieri sa meta bdiet is-sena skolastika li hemm għaddejja bħalissa, bintu u anke sħabha għad ma ħadux ċenteżmu stipendju. Qal li bintu bagħtet diversi emails “lill-persuni konċernati” iżda ma rċevietx risposta.