Għaliex għadek ma rċevejtx l-Allowance tat-Tfal?

Jekk għadek ma rċevejtx l-Allowance tat-Tfal ta’ Diċembru, fi stqarrija mill-Ministeru għall-Familja ġie spjegat li se tkun qed tirċievi l-pagament tiegħek malli tibgħat id-dokument ta’ verifika lid-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali.

Fl-istqarrija ġie spjegat li minħabba li fl-aħħar tliet snin id-Dipartiment m’għadux jibgħat applikazzjoni kull sena biex timtela mill-benefiċċjarji, u minħabba li l-pagamenti qed jidħlu direttament fil-kontijiet bankarji, inħasset il-ħtieġa li jintbagħat dokumenti li permezz tiegħu wieħed jaġġorna lid-Dipartiment bl-informazzjoni tiegħu sabiex jiġi żgurat li l-pagamenti li qed isiru qegħdin verament imorru għand min hu eliġibbli.

Id-Dipartiment kompla jgħid li wara li d-dokument jiġi sottomess, il-pagament tal-allowance tat-tfal se jkompli jinħareġ mingħajr tnaqqis fil-pagament li jkun dovut u mingħajr interruzzjoni.

Dawk kollha li ma rċevewx dan id-dokument, jew forsi tilfuħ, jistgħu jimlew l-applikazzjoni onlajn jew iżuru wieħed mill-uffiċċji tad-Dipartimenti tas-Sigurtà Soċjali madwar Malta u Għawdex. Id-Dipartiment insista li huwa fl-obbligu ta’ kull benefiċċjarju li javża lid-dipartiment b’kull tibdil fiċ-ċirkostanzi tiegħu.

Għal aktar tagħrif ċempel fuq freephone 153.