Għaliex Cookie kienet tibki l-ħin kollu?

Il-kelba Cookie għamlet żmien f’post fejn iżommu l-annimali abbandunati. Matul dan l-perjodu kienet tibki l-ħin kollu. Imma ma kenitx tibki għax kienet muġugħa avolja hi annimal anzjana bi problemi ta’ saħħa. Kienet tibki għaliex sfat abbandunata mis-sidien tagħha meta dawn marru fis-sanwarju tal-klieb, ħadu lura magħhom kelb ġeru, Labrador iswed u lilha ħalluha hemmhekk.

L-istorja ta’ Cookie f’San Bernardino fl-Istati Uniti xxandret fuq il-midja soċjali. Saret talba biex tkun addottata minn sidien ġodda għax il-kelba ma felħitx tkun abbandunata wara tant snin tgħix ma’ sidien li dejjem ħabbewha.

Iżda kien hemm tmiem sabiħ għal Cookie għaliex addottawha sidien ġodda li aċċettawha fi djarhom u qed jagħtuha l-imħabba u l-attenzjoni li jixirqilha.

Il-mistoqsija, ìzda, hija waħda: għaliex is-sidien ta’ qabel ta’ Cookie tħallew jieħdu kelb ieħor u jabbandunaw lil din il-kelba tant sensittiva u fl-aktar żmien li kienet teħtieġ attenzjoni?