Għaliex bqajt mingħajr iċ-ċekk tat-taxxa?

Il-miżura tal-Gvern li jagħti lura parti mit-taxxa mħallsa mill-pagi tax-xogħol, hija mmirata għall-ħaddiema kollha fuq il-kotba tax-xogħol tal-2018. Dan ikkonfermah ma’ Newsbook.com.mt kelliem għall-Ministeru tal-Finanzi wara li ntalab jiċċara eżatt fuq liema sena qed tintbagħat ir-refużjoni tat-taxxa.

Hu spjega li l-informazzjoni dwar id-dħul tinħadem fuq is-sena ta’ qabel, jiġifieri fuq l-2017, u jekk din ma tkunx għadha aċċessibbli onlajn, tinħadem fuq l-2016.

Newsbook.com.mt għamel dawn il-mistoqsijiet lill-Ministeru għall-Finanzi wara li ġie infurmat li kien hemm persuni li kienu qed jistennew dawn iċ-ċekkijiet iżda baqgħu lampa stampa. Dan apparti l-konfużjoni li nħolqot hekk kif iż-żmien li tkopri t-tax refund li ta l-Gvern hija differenti mit-tweġiba li ngħatat mill-customer care tal-153.

Sorsi li tkellmu ma’ Newsbook.com.mt spjegaw li meta ċemplu n-numru 153, fejn dawk kollha li kellhom xi mistoqsijiet dwar il-miżura setgħu jċemplu u jinqdew, ġew mgħarrfa li ċ-ċekkijiet li tqassmu jkopru t-taxxa fuq dak li wieħed qala’ fl-2016.

Min-naħa l-oħra, fid-diskors tal-baġit li kien sar fid-9 ta’ Ottubru tal-2017, il-Ministru għall-Finanzi, Edward Sciculna kien qal li għall-2018, “kull min jaħdem, sew jekk full-time jew part-time, se jirċievi ċekk ta’ darba fejn l-ammont li se jitħallas ikun ivarja minn €40 għal massimu ta’ €68, skont id-dħul gross mix-xogħol tal-individwu li jkun daħħal fis-sena ta’ qabel.”

Il-miżura hi mmirata għal dawk in-nies li għandhom dħul inqas minn €60,000 fis-sena u se tiswa l-Gvern €11.4 miljun. Kelliem għall-Ministeru tal-Finanzi kien spjega li ċ-ċekkijiet kellhom jiġu mqassma kollha sas-7 ta’ Settembru.