“Għaliex 35% tan-negozji Għawdxin ma rċevewx l-għajnuna tal-Gvern?” – PN

Il-Partit Nazzjonalisa rreaġixxa għar-riżultati tas-survey li l-għamlet l-Assoċjazzjoni Għawdxija tat-Turiżmu fejn sabet li 35% tan-negozji fit-turiżmu li applikaw għall-iskema tal-wage supplement għadhom ma rċevew l-ebda pagament.

Fi stqarrija, il-PN qal li dawk l-operaturi li baqgħu b’idejhom vojta għandhom dritt ikunu jafu x’qed iżomm lill-Gvern lura milli jqassmilhom l-għajnuna li huma intitolati għaliha. Qal li għandhom dritt ikunu jafu meta se jkunu qed jirċievu din l-għajnuna. Intant, il-PN qal li huwa infurmat ukoll li hemm operaturi f’oqsma oħrajn f’Għawdex li qed jistennew l-għajnuna tal-Gvern.

Il-PN sostna li l-Gvern Laburista hu fid-dmir jara li l-għajnuna fi flus għandha minnufih titqassam lil min jistħoqqlu. Qal li dan sabiex is-settur tat-turiżmu u setturi oħra f’Għawdex, partikolarment dawk il-71% l-aktar milqutin skont l-istħarriġ, ikollhom biżżejjed għajnuna biex ikomplu mexjin qalb il-pandemija.

Fost l-ispunti li ħarġu mill-istħarriġ tal-Assoċjazzjoni għat-Turiżmu f’Għawdex, ħareġ li 71% tan-negozji f’Għawdex kellhom iwaqqfu l-operat tagħhom minħabba l-pandemija tal-coronavirus.

L-istqarrija tal-Partit Nazzjonalista kienet iffirmata mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni għal Għawdex Chris Said, mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Artijiet Kevin Cutajar u d-Deputat Whip Frederick Azzopardi.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn