“Għaliex 1,000 persuna għandhom jitilfu ħajjithom hekk?”

Kważi 1,000 persuna diġà ħallew did-dinja wara l-valanga ta’ tajn li radmet u l-għargħar li laqat il-kapitali ta’ Freetown, fi Sierra Leone, ġimagħtejn ilu, qal wieħed mill-uffiċjali tal-Gvern.
Għalkemm il-Gvern kien qal li l-għadd ta’ mejtin huwa ta’ 450, bosta gruppi umanitarji qalu li mas-650 oħra għadhom ma nstabux u aktarx jekk jinstabu se jinstabu mejtin.
Minħabba n-numru massiċċ ta’ fatalitajiet, madwar il-belt seħħew għadd ta’ funerali tal-massa, filwaqt li l-operazzjonijiet tas-salvataġġ baqgħu għaddejjin anki fix-xita li ma qatgħetx.
L-Isqof Emeritu Arnold Temple tal-Knisja Metodista fi Sierra Leone talab li jkun hemm ċifra eżatta tat-traġedja, u saqsa għaliex 1,000 persuna kellha tmut b’dal-mod.
Sostna li jrid ikun hemm xi ħadd jew xi awtorità li fl-aħħar mill-aħħar terfa’ r-responsabbiltà ta’ dan l-inċident.
Mhux l-ewwel darba li dawn l-inħawi ntlaqtu minn valangi jew għargħar, u allura bosta huma rrabjati għall-fatt li donnu dil-belt qatt ma tgħallmet tilqa’ għal dawn il-katastrofi, u qatt ma sar xejn biex l-eluf ta’ persuni fqar jgħixu fi djar fraġli ma jitħallex jgħixu qrib daqstant tal-ilma.