Għalfejn tħossok għajjiena wara ħafna ħin bilqiegħda?

Jekk tqatta’ tmien siegħat ħdejn il-baħar u tagħmel l-eżerċizzju, hemm ċans tħossok mimlija b’iktar enerġija eżatt wara, imma jekk tqatta’ l-istess ħin ix-xogħol bilqiegħda quddiem kompjuter, probabbli tgħajja iktar. Ir-riċerkaturi jgħidu li jkun qed jinħoloq żbilanċ kimiku li jagħmel il-persuni inqas effiċjenti biex jipproċessaw l-enerġija u allura jħossuhom għajjenin ħafna. Meta tieħu pawsa mix-xogħol astratt li qed tagħmel fuq il-kompjuter u tgħix għall-ftit fil-mument preżenti, tkun qed toħloq bilanċ fil-moħħ li jagħtih ħafna saħħa lura.

Il-psikologu u awtur tal-ktieb The Molecule and More, Dr Daniel Lieberman minn George Washington University jagħti ideat ta’ x’jista’ jsir meta persuna tibda tħossha għajjiena ħafna.

M’aħniex magħmula biex naħdmu bil-moħħ jew bil-ġisem biss

Il-moħħ hu organu kumpless b’ħafna partijiet iddisinjati biex jaħdmu flimkien. Skont xi jkun meħtieġ, partijiet differenti jitkellmu bejniethom. Meta nagħmlu xogħol bilqiegħda għal ħin twil, il-moħħ ikun qed jgħejja b’mod differenti milli kieku persuna tagħmel ħin taħdem fil-ġnien.

Dr Lieberman jispjega li filwaqt li l-għejja fiżika tista’ tgħinna norqdu mal-lejl, l-għejja mentali tista’ tagħmel il-maqlub, tagħmilha diffiċli li norqdu u li nibqgħu reqdin. Dan għaliex il-moħħ ma jkunx qed jintuża bil-mod li evolva biex ikun użat. Jgħid li l-bniedem maħluq biex isib bilanċ għall-moħħ u l-ġisem biex jaħdmu flimkien. Meta persuna tqatta’ ħafna ħin taħdem fuq siġġu, tkun qed tħaddem biss moħħha. Jgħid li għalhekk idealment ix-xogħol ikollu bilanċ bejn attività fiżika u ħsieb mentali.

Persuna għandha limitu fuq kemm tista’ tikkontrolla lilha nnifisha

Dr Lieberman jgħid li hemm limitu għal kemm persuna tista’ tikkontrolla l-ħsibijiet u l-azzjonijiet tagħha. Jgħid li meta persuna tqatta’ ħafna ħin ma’ skrivanija fejn bilkemm tiċċaqlaq, u qed tisforza għal ħafna ħin biex tagħmel xogħol li tixtieq li mhux qed tagħmlu, dan jaħli ħafna enerġija lill-persuna.

L-arja u l-ambjent f’uffiċċju jgħajjuk

Iktar riċerka qed turi li meta persuna tpoġġi f’uffiċċju għal-ġurnata sħiħa, dan hu ħażin għaliha b’ħafna modi. Iktar ma jkun hemm konċentrazzjoni ta’ CO2 fl-uffiċċju, iktar ikun diffiċli għal persuna biex tikkonċentra. Dr Lieberman isemmi wkoll it-tniġġiż fl-arja fl-uffiċċju, tapiti mimlija ħmieġ u dwal mhux daqstant tajba.

Jispjega kif id-dawl artifiċjali iħawwad lill-ġisem u aħna nkunu l-iktar enerġizzati meta l-ġisem ikun sinkronizzat mar-ritmi tal-ġurnata. Jissuġġerixxi bidliet żgħar li jagħmlu l-ambjent tax-xogħol aħjar, fosthom billi tpoġġi pjanta ta’ ġewwa fuq l-iskrivanija biex tnaddaf l-arja u li tieħu passiġġati qosra u spissi sat-tieqa biex possibilment tara ftit natura – veduta tanġibbli li ġġiegħel lill-moħħ jitfi għal ftit il-proċessi astratti tiegħu. Il-passiġġati qosra jippermettu l-persuna tissoċjalizza ftit wiċċ imb’wiċċ, il-moħħ joħroġ l-oxytocin li jġiegħel persuna tħossha aħjar, xi ħaġa li Facebook u Instagram ma jagħmlux.

Aħdem ħaġa ħaġa minflok kollox f’daqqa

Għadd ta’ studji juru li l-moħħ tal-bniedem ma jistax jagħmel ħafna affarijiet f’daqqa, għax meta tipprova tagħmel hekk, persuna tispiċċa tgħejja aktar milli kieku tagħmel ħaġa wara l-oħra. Iżda dan mhux il-mod kif jaħdmu ħafna xogħlijiet ma’ skrivanija. Forsi tagħmel kwarta tara l-imejls, imbagħad tikteb biċċa minn rapport għal nofs siegħa oħra u wara trid titlaq tgħaġġel għal xi laqgħa u tiġi lura u tikteb in-noti…dan huwa tibdil kontinwu fix-xogħol li tagħmel.

Iżda persuna tista’ tbiddel għal xi ħaġa li tgħinha tħossha aħjar, biex tieħu ħsieb lilha nnifisha. Meta tieħu pawsa mix-xogħol astratt li qed tagħmel fuq il-kompjuter u tgħix għall-ftit fil-mument preżenti, tkun qed toħloq bilanċ fil-moħħ li jagħtih ħafna saħħa lura. Dr Liebermann jgħid li nies li jaħdmu kontinwament fuq kompjuter ikunu qed jagħmlu xogħol relattivament astratt u importanti li jibqgħu marbuta mar-realtà billi jibbilanċjaw l-attività li jagħmel il-moħħ.