Għalfejn qed jieħdu n-nar il-karozzi?

L-għadd ta’ karozzi f’Malta qed jiżdied b’medja ta’ 33 karozza ġdida kuljum. Meta wieħed jixtri karozza, l-investiment li jagħmel ma jkunx wieħed żgħir. Mill-bidu tas-sena s’issa kien hemm għexieren ta’ rapporti dwar vetturi li ħadu n-nar. Għalfejn jiġri dan? Kemm hi kbira l-problema? Nistaqsu lill-Pulizija u lid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili (CPD).

Għalfejn jieħdu n-nar il-karozzi?

Skont il-Pulizija, dawk il-vetturi li jieħdu n-nar meta jkunu pparkjati ħafna minnhom jirriżulta li jkunu relatati ma’ xi tip ta’ attività malizzjuża jew kriminali. “Fi kliem sempliċi, ma jkunx wieħed aċċidentali,” qalet il-Pulizija. Min-naħa l-oħra, dawk il-vetturi li jieħdu n-nar meta jkunu qiegħdin jiġu misjuqa, normalment jirriżulta li jkollhom xi ħsarat. Id-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili (CPD) qal li ma jinvestigax il-kawża tan-nirien.

Kif tista’ tevita nar fil-karrozza tiegħek?

Il-Pulizija qalet li bħala prevenzjoni, dak li jkun jista’ jieħu ħsieb li jekk ikollu xi ħsara fil-vettura, speċjalment ħsara elettrika, imur għand professjonijist biex titranġa l-ħsara.

Skont is-CPD, m’hemm xejn li tista’ tagħmel “għax karozza mhux suppost tieħu n-nar”. Id-Dipartiment żied jgħid li tajjeb li kulħadd ikollu fire extinguisher fil-karozza ħalli jekk tieħu n-nar, l-inċident jista’ jiġi kkontrollat mill-ewwel.

Kemm hemm vetturi li ħadu n-nar?

Is-CPD qal li mill-1 ta’ Jannar sal-10 ta’ Novembru 2018 kien hemm total ta’ 150 rapport ta’ vetturi li ħadu n-nar. Minn dawk, l-aktar (116) kienu dwar karozzi u l-inqas (9) dwar vannijiet.

Ċifri tas-CPD

Skont il-Pulizija, kien hemm 51 rapport dwar karozzi li ngħataw in-nar għal t’apposta bejn Jannar u Ottubru tal-2018. Minn dawn ir-rapporti kien hemm ħamsa minn Bormla, erba’ mill-Ħamrun, erba’ minn Ħal Qormi, u erba’ minn Ħaż-Żabbar. L-aktar xahar li fih daħlu rapporti (11) kien Ottubru.

Rapporti fil-midja

Karavan ħa n-nar kmieni dalgħodu f’Bormla li wassal sabiex iġarrbu ħsarat konsiderevoli erba’ karozzi oħrajn ippparkjati fil-viċin.

F’Ottubru, tliet karozzi spiċċaw ħuġġieġa f’żewġ każi separati.

Aktar kmieni dan ix-xahar, karozza li ħadet in-nar fil-Fgura wasslet sabiex jiġu affettwati tliet karozzi oħra pparkjati fil-viċinanzi u anke xi faċċati tad-djar.