Għalfejn m’għandekx tilbes maskra waqt l-eżerċizzju?

Miguela Xuereb

L-Għaqda Dinjija tas-Saħħa (WHO) twissi li n-nies m’għandhomx jilbsu maskra waqt li jkunu qed jagħmlu l-eżerċizzju.

Għalfejn?

Il-WHO tgħid li l-maskri jistgħu jnaqqsu l-abbilità ta’ dak li jkun biex jieħu n-nifs b’mod komdu.

Il-WHO tgħid ukoll li l-għaraq jista’ jwassal biex il-maskra tixxarrab aktar malajr – dan ikompli jagħmilha aktar diffiċli biex wieħed jieħu n-nifs. Maskra mxarrba taf tippromwovi wkoll ambjent li fih jikbru aktar microorganisms.

Il-WHO tgħid li l-miżura preventiva l-importanti li wieħed jista’ jsegwi waqt l-eżerċizzju hija li jżomm metru ‘l bogħod minn ħaddieħor.

WHO

Is-Supretendent għas-Saħħa Pubblika, il-Professur Charmaine Gauci qed tappella mill-ġdid għall-kawtela filwaqt li saħqet li l-messaġġ koerenti għandu jkun li wieħed jevita attivitajiet tal-massa, jieħu l-miżuri ta’ prekawzjoni u jekk ikun hemm indikazzjoni ta’ sintomi wieħed iċempel mill-ewwel 111.

Waqt il-programm Newsbook Hour fuq 103, Prof. Gauci saħqet li “irridu nibqgħu naħdmu flimkien għax kulħadd għandu kontribut x’jagħmel. Huwa kruċjali li l-messaġġ  ikun wieħed koerenti u dejjem l-istess biex il-poplu jkun jaf is-sitwazzjoni kif inhi, jieħu l-prekawzjonijiet li jridu jittieħdu u josservahom”.

Insistiet li “l-istrateġija tibqa’ dik li nfittxu l-każijiet li possibilment ikunu marbuta ma’ każijiet li nsiru nafu bihom”. B’referenza għall-każ pożittiv li tħabbar ilbieraħ, fejn il-persuna attendiet il-party tal-‘hotel takeover’, Gauci qalet li bdew jinvestigaw dawk li kienu f’kuntatt viċin mal-persuna pożittiva u li dawn immedjatament tpoġġew fi kwarantina biex ma jkunx hemm kuntatt. Il-Professur Gauci ikkonfermat li s-sitt każi tal-aħħar 24 siegħa kienu marbuta mal-każ tal-bieraħ.