Għalfejn m’għandekx ittella’ ritratti fuq Facebook meta ssiefer?

Waħda mill-affarijiet li bosta jħobbu jagħmlu hija li juru lil kulħadd liema pajjiż jinsabu fih meta jieħdu xi btala, permezz ta’ ritratti fuq Facebook u midja soċjali oħra.
Iżda bosta huma dawk li ma tgħaddilhomx minn moħħhom li qed jagħtu l-informazzjoni kollha neċessarja lil xi ħalliel biex jidħol jisraqhom, hekk kif ir-ritratti juru li f’dak iż-żmien partikolari ma hemm ħadd fid-dar tagħhom.
Christoph Schulte, mill-Uffiċċju tal-Pulizija tal-Kriminalitajiet Federali fil-Ġermanja qal ma’ Business Insider li ħafna ma jaħsbuhiex meta jiġu biex itellgħu affarijiet personali fuq il-midja soċjali.
Sostna li min isiefer, jirrealizza l-iżball li għamel meta jaslu lura mill-btala tagħhom, u hawn ikun tard wisq.
Kompla jispjega li l-aktar mod sigur u sensibbli li wieħed jaqsam dawn it-tip ta’ ritratti huwa meta jirritorna f’daru wara l-btala.
Spjega li huwa verament importanti li wieħed ikun jaf il-persuni kollha li jkun qed jaqsam l-informazzjoni personali magħhom onlajn.