Għalfejn jinsab imwerwer in-nannu Ċens?

Ir-raba’ episodju mis-sensiela ta’ Ġrajjiet in-Nannu Ċens jixxandar illejla fis-7pm fuq l-istazzjon One. Is-sensiela hija miktuba minn Dominic Said, ibbażata fuq l-istejjer ta’ Trevor Żahra ppubblikati fil-ktieb li jġib l-istess isem. Is-sensiela għandha produzzjoni ta’ Mixta Drama.

L-episodju tal-lejla jġib l-isem ta’ L-ewwel ta’ April.

L-ewwel ta’ April dejjem kienet tkun ġurnata ta’ twerwir għan-nannu Ċens, għax it-tfal tat- tifel, dejjem kienu jsibu mod ġdid kif ibellawilu.

Iżda din id-darba prepara ruħu waħda sew. Kien lest għal kollox, iżda mhux għal dak li ġara, anzi, ġara dak li qatt ma ħaseb u kellu jħallas prezz qares waqt li t-tfal spiċċaw għal darb’oħra rebbieħin… anki jekk Tony spiċċa mar b’€20 minn taħt!

Din il-puntata jkollha repetizzjoni nhar it-Tnejn li ġej f’nofsinhar waqt li l-aħħar puntata minn din is-sensiela tixxandar ukoll it-Tnejn 30 ta’ Diċembru fis-7pm.