Għalfejn in-nemus jippreferi jigdem lilek

Jeżistu 3,000 speċi differenti ta’ nemus. Iżda, huma ftit minnhom biss li jħobbu jigdmu lin-nies – u saħansitra jagħżlu bejniethom lil min jigdmu. Xi nies jispiċċaw miksija bil-gdim, filwaqt li oħrajn jaħarbu mingħajr marka. Għaliex jiġri dan? X’jinfluwenza l-għażla tan-nemusa?

Richard Halfpenny, lecturer fix-xjenza bijoloġika fl-Università ta’ Staffordshire, jispjega x’jagħmlek attraenti għan-nemus.

Il-mikrobi fuq il-ġilda umana

Il-varjetà ta’ mikrobi fuq il-ġilda tan-nies tagħmel id-differenza kollha fil-preferenzi tan-nemus biex jigdmu persuna u mhux oħra. Il-ġisem tal-bniedem fih madwar miljun batterja kull ċentimetru kwadru ta’ ġilda, kultant b’varjetà ta’ mijiet ta’ speċi.

Ir-riħa li toħroġ mill-pori tal-ġilda u l-glandoli tax-xagħar hija l-fattur kritiku li jgħid lin-nemusa kemm dil-persuna hija delizzjuża. Fi ftit kliem, in-nemus ma jagħżlux lil xi ħadd skont il-bioloġija interna iżda skont il-mikro-organiżmi li jgħixu fuq il-ġilda.

Il-kwantità u l-kwalità tal-mikrobi fuq il-ġilda jiddependu fuq l-ambjent – dak li nieklu u fejn ngħixu. Kull ma persuna tmiss, tiekol, tixrob u tinħasel biha kapaċi tbiddel l-ambjent fuq il-ġilda tagħha, iżda l-varjazzjonijiet ġenetiċi ukoll maħsuba li jaffetwaw kemm il-ġilda hi ospitabbli għal tipi differenti ta’ mikrobi.

Dan jista’ jkun permezz tal-produzzjoni ġenetika ta’ proteini fil-ġilda li jservu ta’ barrieri u jżommu l-mikrobi milli jikbru fuq il-ġilda, jew inkella skont it-tendenza ta’ persuni li tegħreq jew kemm ikollha ġilda żejtnija.

Il-kimika fl-għaraq tal-persuna

Iżda l-esperti jwissu li l-għaraq ma fihx riha partikolari waħdu u allura ma hux responsabbli waħdu biex jiġbed in-nemus. Iżda jkun il-kontenut kimiku tal-għaraq li jagħmel id-differenza u l-produzzjoni li tvarja minn persuna għall-oħra, li jipproduċu mikrobi li jiġbdu aktar in-nemus.

L-esperti issa qed jittammaw li jiskopru s-sigriet għalfejn in-nemus jippreferi ambjent bil-mikrobi iktar minn ambjent ieħor u b’hekk ikun hemm min jista’ jibdew l-ambjent fuq il-ġilda biex ikun inqas attraenti għan-nemus.