Għalfejn iċemplu liċ-Ċentru tas-Saħħa tal-Mosta?

Ministeru għas-Saħħa

In-nies iċemplu liċ-Ċentru tas-Saħħa tal-Mosta l-aktar minħabba d-deni, skont artiklu ppubblikat fil-Malta Medical School Gazette.

L-istudju li sar minn żewġ tobba evalwa s-servizz ta’ pariri dwar is-saħħa (TTAS) li jitħaddem mis-sistema tal-kura primarja tas-saħħa. L-istudju evalwa t-TTAS fi ħdan iċ-Ċentru tas-Saħħa tal-Mosta (MHC). Ġew studjati l-użu tas-servizz, is-sodisfazzjon tal-pazjent, u l-eżitu tal-każ.

Il-maġġoranza tad-drabi, il-pazjenti kienu jċemplu minħabba d-deni. Ikun hemm ukoll min iċempel dwar problemi fis-sistema diġestiva, fiċ-ċirkolazzjoni, problemi psikoloġiċi, u dwar il-ġilda.

L-istudju involva 2,013 pazjent. L-età medja kienet ta’ 54.85 sena. In-nisa kienu jċemplu lill-MHC aktar mill-irġiel. Il-maġġoranza tal-pazjenti esprimew sodisfazzjon dwar is-servizz tat-telefon.

Ministeru għas-Saħħa

Il-maġġoranza tal-pazjenti kienu jċemplu biex jitolbu parir. Is-soltu, il-pazjenti ngħataw xi tip ta’ parir minflok ma ntalbu jagħmlu xi ħaġa oħra, bħal per eżempju jintalbu jmorru l-emerġenza tal-isptar.

Iż-żewġ tobba rrakkomandaw li jkun hemm metodu aktar strutturata għat-tobba li jkunu qed iwieġbu t-telefonati. Dan biex l-eżitu tal-każijiet ikun aktar konsistenti.

X’instab fl-istudju?

  • L-aktar shift bieżel kien dak ta’ bejn it-8am u s-1pm
  • Kien hemm żieda sinifikanti fit-telefonati f’Marzu
  • Il-maġġoranza tan-nies li mlew il-kwestjonarju kellhom bejn is-60 u d-79 sena.

X’marki ngħataw it-tobba mill-pazjenti?

  • 4.4/5 għal kemm jifhmu lill-pazjent
  • 4.3/5 għall-ħin li ngħataw waqt it-telefonata
  • 4.4/5 għal kemm sabu t-telefonata utli
  • 4.5/5 sodisfazzjon ġenerali

Dawk l-adulti li ċemplu lill-MHC biex jistaqsu għal tabib bejn Frar u April tal-2018 kienu inklużi fl-istudju. Wara sar kwestjonarju ma’ 131 pazjent biex tiġi analizzata l-esperjenza tagħhom mas-servizz.

L-artiklu nkiteb minn Dr Martha Grima u Dr Jurgen Abela. Tista’ taqra l-artiklu sħiħ minn hawn.

Wieħed jista’ jċempel liċ-Ċentru tas-Saħħ tal-Mosta fuq 22695700.

Meta wieħed imur fid-Dipartiment tal-Emerġenza, l-istennija medja sakemm jingħata sodda f’ward hija dik ta’ madwar ħames sigħat. Dan qalu l-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne hu u jwieġeb mistoqsija parlamentari tad-deputat Claudette Buttigieg.