Għala qed tipponta subgħajk lejn il-vittma? – Fondazzjoni Drittijiet tan-Nisa

Il-Fondazzjoni għad-Drittijiet tan-Nisa (WRS) ikkritikat bl-aħrax lill-Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni għall-Ħarsien Soċjali, Alfred Grixti talli, skont hi, dan tefa’ parti mill-ħtija ta’ vjolenza domestika fuq il-vittma.

Dan qalitu fi dritt ta’ risposta ppubblikat fuq il-paġna tagħha ta’ Facebook għall-artiklu ppublikat fuq it-Torċa. F’dan l-artiklu, meta kien qed jitkellem dwar l-interpretazzjoni tiegħu fejn jidħol femiċidju relatat ma’ vjolenza domestika, Grixti qal lit-Torċa li “qtil ikun relatat ma’ vjolenza domestika jekk ikun hemm relazzjoni intima fejn ikun hemm vjolenza fiżika, emozzjonali, psikoloġika, anke rikatt finanzjarju, għal żmien twil u l-mara tibqa’ hemm u fl-aħħar mill-aħħar dan iwassal għall-femiċidju.”

B’reazzjoni għal dan, il-Fondazzjoni sostniet li bil-frażi “u l-mara tibqa’ hemm”, Grixti, dak li qed imexxi l-Fondazzjoni li tipproteġi persuni vulnerablli, qed jispiċċa jipponta sebgħu lejn il-vittma. Insistiet li hija sitwazzjoni ferm traġika.

Fl-intervista, Grixti wkoll sostna li l-NGOs lokali jieħdu għajnuna finanzjarja mill-Gvern biex joperaw. Hu kompli jinsisti li l-għaqdiet kollha li ffirmaw il-petizzjoni u mxew fil-Belt kontra l-femiċidju ngħataw €10 miljun mil-Gvern, li rrimarka jiġu 64% tal-budget tal-FSWS.

Madanakollu, l-għaqda tan-nisa sostniet li din hija gidba u rrimarkat li ma rċevew l-ebda tip ta’ fondi. Insistew ukoll li jekk Grixti jaf minn fejn jistgħu japplikaw għal dawn il-fondi li semma jinfurmhom hu stess.