ESKLUSSIVA: Għal Speaker “Jien naċċetta” – Dr Anġlu Farrugia

L-avukat Dr Anġlu Farrugia jikkonferma mal-ġurnalist Karl Wright fl-intervista tal-ġimgħa fuq NEWSBOOK li f’laqgħa mal-Prim Ministru Dr Joseph Muscat nhar l-Erbgħa li għadda, issemmiet lilu l-kariga ta’ Speaker tal-Kamra tar-Rappreżentanti. Ikkonferma li kif tkun offruta lilu uffiċjalment, huwa se jaċċettaha.

Fl-intervista mal-ġurnalista Karl Wright, Dr Anġlu Farrugia, ex deputat mexxej tal-Partit Laburista, jitkellem dwar ħajtu mir-riżenja ‘l hawn. Dwar ir-reazzjoni tiegħu mill-kostitwenti, stqarr li baqa’ jikkonvinċi sal-jum tal-elezzjoni. Jgħid ukoll li f’laqgħat ta’ medjazzjoni ma’ Dr Joseph Muscat lura f’Diċembru li għadda, huwa ħa l-impenn li jibqa’ jonora l-impenji uffiċjali li kellu diġa bħala deputat mexxej Laburista sal-elezzjoni, inkluż is-safra tal-Commonwealth.

Dr Anġlu Farrugia isejjaħ il-messaġġ tal-elettorat fl-elezzjoni ġenerali bħala tsunami fid-demokrazija tal-pajjiż. Ifaħħar il-formazzjoni tal-Kabinett tal-Ministri u jgħid li l-iktar importanti mhux kemm hu kbir imma r-riżultati li se jagħti lill-pajjiż.

Dwar il-kontenut tal-ewwel laqgħa wiċċ imb’wiċċ ma’ Dr Joseph Muscat, li saret nhar l-Erbgħa li għadda, Dr Anġlu Farrugia jgħid li tkellmu dwar it-triq ‘il quddiem fl-interess għall-pajjiż u l-id tal-koperazjoni tiegħu lil Dr Muscat bħala Prim Ministru ta’ Malta.

Ħalli l-kummenti tiegħek hawn taħt.