Għal sena oħra ssir Via Crucis f’Għawdex

Għal sena oħra, fil-ħames Ħadd tar-Randan, saret il-Via Crucis Djoċesana f’Għawdex.

Din tmexxiet mill-Isqof t’Għawdex Mons. Mario Grech, bis-sehem tad-diversi komunitajiet tal-parroċċi Għawdxin.

Il-Via Crucis saret matul it-triq li minn ħdejn is-Santwarju Ta’ Pinu twassal għal fuq l-Għolja ta’ Għammar. Għal din l-okkażjoni, din it-triq ġiet mixgħula bi fjakkli u dawl ieħor.

Matul il-Via Crucis kien hemm meditazzjonijiet miktuba minn Dun Edward Vella, saċerdot mill-parroċċa tal-Għarb, u talb popolari fost l-oħrajn mill-kitbiet tal-qaddis Malti Dun Ġorġ Preca.