Għal meta l-quddies? L-Isqfijiet se jiddiskutu ma’ Fearne

Read in English.

L-Arċisqof Charles Scicluna qal li għada t-Tnejn fis-6pm, l-Isqfijiet ta’ Malta u Għawdex se jiltaqgħu mad-Deputat Prim Ministru u l-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne biex jiddiskutu t-triq ‘il quddiem dwar il-ftuħ tal-knejjes.  Minħabba l-imxija tal-coronavirus, il-funzjonijiet reliġjużi kollha twaqqfu fit-12 ta’ Marzu li għadda.  F’dawn l-aħħar xahrejn, il-quddies ixxandar kuljum fuq it-televixin u online.

Mons. Scicluna kien qed jirreaġixxi għat-tweet ta’ Fr Jean Govè, li staqsa għaliex il-knejjes ma jistgħux jiftħu wkoll, jekk ir-restoranti u l-hairdressers se jiftħu din il-ġimgħa b’ċertu prekawzjonijiet. Żied jistaqsi jekk l-ekonomija hix aktar importanti milli wieħed ikun liberu li jeżerċita l-fidi tiegħu. Minn naħa tiegħu l-Arċisqof irrimarka li Fr Jean Govè qajjem punt validu.

Iktar kmieni din il-ġimgħa, f’intervista ma’ Fr Joe Borg fuq l-istazzjon tar-radju 103, l-Arċisqof qal li bħalissa l-Isqfijiet jinsabu f’kuntatt mal-awtoritajiet dwar il-quddies, u li iżda jridu jimxu b’sens kbir ta’ responsabbiltà. Stqarr li jixtieq ħafna li s-sagrament jerġa’ jiġi ċċelebrat fil-knejjes, imma li jridu jkunu ċerti li jkun ambjent sigur. Mons. Scicluna rrimarka li l-iktar ħaġa li tippreokkupah hija li min imut ma ssirlux quddiesa.

F’intervista oħra s-Sibt filgħodu, Fr Joe Borg staqsa lid-Deputat Prim Ministru għaliex il-funerali għadhom ma jistgħux isiru meta ġew illaxkati diversi miżuri.  Chris Fearne wieġeb li jaqbel mal-argument għax jifhem li dawn il-persuni ħaqqhom din iċ-ċelebrazzjoni, bħalma l-għarajjes ħaqqhom ikollhom iċ-ċelebrazzjoni tat-tieġ. Fl-istess waqt, il-Ministru għas-Saħħa ġġustifika l-pożizzjoni tal-Gvern li ma jsirux funerali u ċelebrazzjonijiet liturġiċi, “minħabba li kull ħaġa għandha impatt”.

Intant, id-dibattitu madwar diversi pajjiżi fl-Ewropa dwar meta għandhom jiftħu l-knejjes u postijiet oħra ta’ qima, qiegħed dejjem jirranka. Pressjoni fil-Ġermanja wasslet biex il-knejjes, moskej u sinagogi nfetħu fit-3 ta’ Mejju, fl-Olanda qed isiru attivitajiet reliġjużi sa 30 ruħ, filwaqt li fl-Italja, il-quddies, it-tiġijiet, funerali u magħmudijiet se jerġgħu jibdew isiru minn għada. Dan se jkun jista’ jsir bil-kundizzjoni li min jattendi jonora l-miżuri ta’ social distancing.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn