Għall-Kummissarju Ewropew Malta hi “toqba fiskali sewda”

Il-Kummissarju Ewropew għall-Ekonomija u l-Finanzi, Pierre Mascovici, akkuża lil Malta u Stati Membri oħra bħala “toqba fiskali sewda”.
Ilbieraħ il-Kummissjoni Ewropea ddiskutiet ir-riforma tal-VAT ippjanata biex tagħti aktar libertà lill-membri tal-UE, u hawnhekk Macovici nstema’ jgħid li se jagħmel dik li sejġilha “pressjoni intelliġenti” fuq pajjiżi li jmorru kontra l-liġijiet tat-taxxi.
Is-sit New Europe irrapporta lil Mascovici jenfasizza li hemm ħafna pajjiżi fl-unjoni li għandhom rati ta’ taxxa li bihom jattiraw kumpaniji jew enitajiet li jkunu qed ifittxu fejn iħallsu l-anqas taxxa, u hawnhekk semma lil Malta, il-Lussemburgu, l-Olanda u l-Irlanda.
Irrimarka li wieħed faċilment jagħraf dawn il-pajjiżi meta jinnota l-ammont ta’ flus diretti lejn dawn il-pajjizi minħabba dawn ir-rati vantaġġjużi.
Din mhix l-ewwel darba li l-kummissarju semma dawn l-erba’ pajjiżi, li skont is-sit New Europe, jaġixxu qishom tax havens.
F’Diċembru li għadda, wieħed mir-rapporteurs tal-Kumitat PANA fi ħdan il-Parlament Ewropew qal li Malta mhix tax haven, iżda mhux qed tagħmel wisq biex tgħin fil-ġlieda kontra l-evażjoni u l-evitar tat-taxxa.
Dak ix-xahar l-UE ħarġet il-lista ta’ pajjiżi li tqis bġala tax haven, iżda Malta ma kinitx hemm.
Sadanittant il-Kummissjoni Ewropea qed tipproponi li jkun hemm rata minima u ġenerali tat-taxxa fil-livell ta’ 15%, għalkemm se tħalli 4 kategoriji distinti li fihom il-membri jkunu jistgħu ibaxxu r-rata.
Dawn huma tnejn li fihom il-pajjiż ikun jista’ jissettja rata bejn il-5% u l-15%, oħra tkun eċċezzjoni fejn ma jitħallasx VAT, u l-aħħar kategorija dik ta’ b’rata bejn 0% u l-ammont ta’ rata mnaqqsa.
Il-kummissjoni trid ukoll telimina l-lista li hemm bħalissa ta’ prodotti u servizzi li għalihom hija applikabbli r-rata mnaqqsa, u minflok iddaħħal lista oħra magħmula minn armi, xorb alkoħoliku, tabakk, prodotti tal-logħob, netalli prezzjużi, smartphones, bċejjeċ tad-dar u servizzi finanzjarji.
Din il-bidla madankollu trid tiggrantixxi li r-rata medja tat-taxxa tkun aktar minn 12%, biex tiġi evitata l-kompetizzjoni tat-taxxa bejn il-pajjiżi.