“Għal mal-fqar ok imma mhux biex nieħdu d-deċiżjonijiet” – Sr Carmen, President UISĠ

Sr Carmen Sammut esprimiet id-dispjaċir li l-irwol tas-sorijiet fil-Knisja mhux estiż għall-ogħla livelli fejn jittieħdu d-deċiżjonijiet. Fissret li “l-irwol tas-sorijiet mal-fqar ok, imma mhux biex niddeċiedu”.
Is-soru Maltija, li hija s-Superjura Ġenerali tal-Kongregazzjoni tas-Sorijiet Missjunarji fl-Afrika u anke l-President tal-Unjin Internazzjonali tas-Superjuri Ġenerali, kienet qed titkellem waqt il-programm Newsline, li jixxandar kull nhar ta’ Sibt fuq RTK 103FM.
Sr Carmen spjegat kif ħafna d-drabi l-irwol tan-nisa fil-Knisja huwa ċkejken, fis-sens li għalkemm jistgħu jagħmlu ħafna affarijiet, ma jkunux mistednin madwar il-mejda tad-deċiżjonijiet mal-Isqfijiet u l-qassisin.
Tixtieq li meta Isqof ikun qed jagħmel il-pjan pastorali tiegħu, ikun hemm madwaru sorijiet u lajċi, mhux biss kappillani u saċerdoti.
Filwaqt li rrimarkat li l-Papa Franġisku jagħti valur lill-ħajja kkonsagrata tan-nisa u tal-irġiel, ma sarux deċiżjonijiet kbar. Saħqet li għalkemm joqgħod fuq is-sorijiet fil-ħidma mal-immigranti u dawk traffikati, ma jiġux ikkunsidrati għal livelli oħra, bħal pereżempju fi strutturi bħas-Sinodu tal-Isqfijiet.
Sostniet li tixtieq tara l-involviment tas-sorijiet u l-lajċi nisa f’dawn il-fora differenti, anke fid-dawl ta’ edukazzjoni għolja u esperjenza vasta li għandhom xi wħud.
Is-soru staqsiet għaliex in-nisa ma jistgħux jinterpretaw il-ħsibijiet bibbliċi meta fil-preżent u għal sekli twal kienu l-qassisin li jistgħu jippritkaw. Sostniet li “qiegħdin naraw il-kliem ta’ Ġesù ġej min-naħa waħda biss” għalekk issuġġeriet li bħala eżempju s-Sorijiet jibdew jagħmlu l-omeliji.
Il-preżentaturi tal-programm staqsew lil Sr Carmen, jekk lajċi jew sorijiet jistgħux isiru nunzji jew kapijiet ta’ kongregazzjonijiet ġaladarba żgur li m’hemmx xi raġuni teoloġika biex dan ma jkunx jista’ jsir. Hi qablet li dan jista’ jkun possibbli, iżda kkonkludiet li ma taħsibx li f’ħajjitha tara Segretarju tal-Istat tal-Vatikan li jkun lajk jew soru.
Sr Carmen Sammut hija bbażata f’Ruma.
Tista’ tara l-intervista sħiħa hawn.