Għal kull €1 li jaqla’ raġel, mara taqla’ 84ċ

Fost il-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea, jekk raġel jaqla’ €1 għal xogħlu, mara taqla’ 84ċ għall-istess xogħol.
Skont statistika ppubblikata mill-Eurostat illum, fil-Jum Internazzjonali tal-Mara, jirriżulta li fl-2016 il-medja ta’ differenza fi ħlas għall-istess xogħol kienet ta’ 16% inqas għall-mara.
Jidher li l-akbar diskrepanza fil-ħlas ġiet irreġistrata fl-Estonja, fejn mara taqla’ 25% anqas minn raġel. Ir-Rumanija għandha mbagħad l-inqas differenza, hawnhekk mara taqla’ 5% inqas mir-raġel għall-istess xogħol.
Jekk wieħed iqabbel din l-istatistika għall-2016 ma’ dik tal-2011, jista’ jinnota li d-diskrepanza fil-ħlas bejn il-mara u r-raġel naqser f’bosta mill-Istati Membri.
L-aktar tnaqqis kunsiderevoli seħħ fir-Rumanija (-4.4%), l-Ungerija (-4%), Spanja u l-Awstrija (-3.4%), il-Belġju (-3.3%) u n-Netherlands (-3%).
F’kuntrast ma’ dan, fil-Portugal u l-Estonja l-aktar li żdiedet, b’4.6% u 4.5% rispettivament.
U Malta, fejn tinsab?
Skont ir-rapporti tal-Eurostat, f’Malta d-diskrepanza żdiedet mill-2011 sal-2016.
Fl-2011 id-differenza kienet ta’ 7.7%, filwaqt li fl-2016 telgħet għal 11%.
Dejta oħra
Skont l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO), fl-2016 kien hawn 228,634 mara f’Malta, 49.7% tal-popolazzjoni sħiħa, madankollu twieldu aktar irġiel milli nisa.
Minn dawn in-nisa, 42,857 jinsabu fir-riskju tal-faqar.
52.4% ta’ dawk kollha li nkitbu fi skola postsekondarja jew terzjarja kienu nisa, u 59.2% tal-gradwati kienu nisa.
Finalment, dwar ix-xogħol, l-ogħla rata ta’ impjegabbiltà fin-nisa kienet fl-età ta’ bejn il-25 u l-54 sena, u l-akbar rata ta’ qgħad laqtet lill-grupp ta’ bejn il-15 u l-24 sena.