“Għal kull allegazzjoni ssir investigazzjoni” – Andrew Azzopardi

Andrew Azzopardi, li għadu kemm inħatar mill-Papa Franġisku bħala kordinatur ta’ Task Force dwar il-protezzjoni tal-minuri u persuni vulnerabbli, saħaq li kull meta jkun hemm allegazzjoni b’rabta ma’ abbużi mill-kleru, issir investigazzjoni interna.

Waqt il-programm The Mid Morning Mag fuq l-istazzjon tar-radju 103, Azzopardi stqarr li “jekk ikun hemm allegazzjoni fejn hemm tħassib ta’ ksur tal-liġi ninvolvu lill-Pulizija. ll-Knisja qatt ma tieħu post il-Pulizija jew id-direttur tal-protezzjoni tat-tfal, u fejn ikun il-każ l-investigazzjonijiet isiru minn naħa tagħhom”.

Stqarr li l-isterjotipi jwasslu għal nuqqas ta’ informazzjoni sħiħa u korretta. Fisser li l-abbużi investigati jikkonċernaw kull tip ta’ abbużi. Spjega li fil-maġġoranza tagħhom, ir-reliġjużi huma nies onesti u jaħdmu sew, bi ftit huma dawk li jabbużaw. 

“Ix-xogħol ma bediex ilbieraħ”

It-Task Force twaqqfet mill-Papa biex jgħin lill-isqfijiet madwar id-dinja jagħmlu policies u normi dwar il-ħarsien tat-tfal u nies vulnerabbli u hija r-riżultat ta’ xhur ta’ ħidma f’dan il-qasam ispirati mill-ħidma tal-Papa Franġisku u nies oħra fosthom l-Arċisqof Charles Scicluna li ħadmu ħafna f’dan ir-rigward. Il-Papa ħatar ukoll lil-Arċisqof Charles Scicluna fil-Kumitat ta’ Superviżjoni.

Andrew Azzopardi qal li l-kummissjoni se tkun waħda li taħdem b’mod proattiv. Huwa fisser li dan ix-xogħol ma bediex ilbieraħ.  Spjega kif f’din l-aħħar sena saret konferenza fi Frar tal-2019, fejn kien hemm il-presidenti tal-isqfijiet kollha ta’ madwar id-dinja kollha li ddiskutew din il-problema. Tul din il-konferenza, kien hemm impenn mingħand kulħadd li din tkun prijorità.

Huwa semma l-passi li ħa l-Papa Franġisku, ispirati minn sens ta’ ħsieb li jitjiebu l-affarjiet f’dan ir-rigward.  Dawn kienu jinkludu liġijiet għal min jaħdem il-Vatikan u dokumentiimportanti biex kulħadd fil-Knisja jkun accountable fejn permezz ta’ dan id-dokument kulħadd jiġi investigat.

Huwa semma li huma 10 pajjiżi biss li għad m’għandhom ebda norma. F’Malta l-ewwel dokument f’dan il-qasam kien sar fl-1999, kien hemm reviżjoni fl-2014 u bħalissa għaddej minn proċess ta’ tiġdid fid-dawl tal-bidliet fil-liġijiet ta’ Malta u anke l-Vatikan. 

“Unur għalija”

Andrew Azzopardi fisser li din il-ħatra kienet unur kbir għalih, però fisser li l-importanza u r-responsabilità hija kbira għax fl-aħħar mill-aħħar qed nitkellmu fuq responsabiltajiet dwar il-vittmi. Huwa spjega li l-ħidma hija ffukata fuq għan ċentrali – il-vittmi. 

“Irid ikun hemm formazzjoni, edukazzjoni u prevenzjoni għal kull min jaħdem f’dan is-settur, kif ukoll proċess ta’ reklutaġġ li jkun wieħed li jipprevjeni ċirkostanzi li jistgħu jwasslu għall-abbuż”, żied jgħid Azzopardi. 

Aspett ieħor importanti tal-ħidma tat-taskforce li se jkun qed imexxi Azzopardi, tiffoka fuq il-ħtieġa dwar kif għandu jkun hemm ir-rispons dwar dan mid-djoċesijiet madwar id-dinja.