Għal ħames ġimgħat l-insara fid-dinja se jġibu fil-prattika l-Enċiklika “Laudato si”

Id-Dikasteru għall-Promozzjoni ta’ Żvilupp Integrali Uman jistieden parteċipazzjoni fi “Żmien il-Kreazzjoni”

Id-Dikasteru għall-Promozzjoni tal-Iżvilupp Intgegrali Uman, bagħtet ittra lill-qassisin kollha madwar id-dinja u stednithom biex jibdew jippreparaw għal “Żmien il-Kreazzjoni”. Din hi inizjattiva ekumenika globali ta’ talb u azzjoni b’risq il-protezzjoni tad-Dar Komuni.

L-ittra tħeġġeġ lill-qassisin biex jiċċelebraw “Żmien il-Kreazzjoni” u tinkludi stedina mid-Dikasteru u l-Moviment Kattoliku Dinji għall-Bdil fil-Klima lill-komunitajiet Kattoliċi madwar id-dinja, b’numru ta’ ideat ta’ kif jista’ jkun ċelebrat dan iż-żmien, fosthom li fil-liturġija tkun inkorporata l-kura għall-ħolqien, formazzjoni pastorali li tippromwovi l-ekoloġija integrali u ideat oħra.

Żmien il-Kreazzjoni

Matul “Żmien il-Kreazzjoni” li se jinżamma bejn l-1 ta’ Settembru u l-4 ta’ Otturbu ta’ din is-sena, l-insara mis-sitt kontinenti għandhom jaħdmu biex ipoġġu fil-prattika l-Enċiklika “Laudato si”. Għandhom isiru attivitajiet komunitarji biex tikber l-imħabba lejn il-Ħallieq, il-Kreazzjoni u l-oħrajn. L-Attivitajiet ivarjaw skont il-komunitajiet u jinkludu minn servizzi ta’ adorazzjoni u talb għal ġbir ta’ skart jew azzjonijiet li jitolbu għal azzjonijiet biex tinbidel il-politika bl-iskop li t-temperatur tad-dinja ma taqbiżx il-1.5°Celsius.

Dawn iċ-ċelebrazzjonijiet għandhom ikunu ntegrati fil-kalendarju annwali tal-parroċċi u d-djoċesijiet madwar id-dinja.  Ħafna parroċċi u djoċesijiet diġa’ bdew jippjanaw l-attivitajiet tagħhom u qed ikunu nkoraġġiti biex jorganizzaw diversi attivitajiet. Inħoloq sit elettroniku: SeasonofCreation.org. fejn wieħed jista’ jsib aktar informazzjoni dwar dawn l-attivitajiet.

 It-tapezzerija tal-Biodiversità

Billi din se tkun ċelebrazzjoni li tibda ssir kull sena, inħatar Kumitat Ekumeniku biex jissuġġerixxi tema għal kull sena.  It-tema għall-2019 hi “The Network of Life” li tirrifletti kemm is-sehem tagħna fil-protezzjoni tal-ħolqien u l-bżonn urġenti li nipproteġu it-tapezzerija rikka tal-biodiversità li niseġ il-Ħallieq.

Id-Dikasteru nnota li it-telf ta’ spazji miftuħa qed jikber u rapport  rieċenti tan-Nazzjonijiet Uniti jistma li l-istil ta’ ħajja li qed ngħixu qed jhedded l-estinzjoni ta’ miljuni ta’ speċi – jew speċi minn kull disa’ li jeżistu fuq din l-art.

L-invit lill-komunitajiet Kattoliċi jiddeskrivi b’mod aktar dettaljat il-konnessjoni bejn din it-tema “The Network of Life” u s-Sinodu tal-Isqfijiet tar-reġjun tal-Amazonia li se jibda fis-6 ta’ Otturbu, eżattament wara ċ-ċelebrazzjoni ta’ “Żmien il-Kreazzjoni”.