“Għal Għawdxin se tkun aktar diffiċli biex jirkupraw” – PN

Il-Partit Nazzjonalista qal li minkejja l-kliem sabiħ tal-Gvern, l-Għawdxin ma ngħataw l-ebda inċentivi żejda fil-pakkett ta’ inċentivi li ngħata lill-intrapriżi bħala għajnuna minħabba l-imxija tal-corovirus.

Fi stqarrija l-Partit Nazzjonalista qal li dan ġie kkonfermat mir-rapreżentanti tal-Malta Enterprise għall-mistoqsija tad-Deputati Chris Said u Kevin Cutajar fil-Kumitat Parlamentari għal Affarijiet ta’ Għawdex.

Id-deputati Nazzjonalisti nsistew li l-Gvern għandu jagħti għajnuna addizzjonali sabiex ikun hemm inċentivi oħra biex jgħinu lill-ekonomija Għawdxija. Huma spjegaw li n-negozji Għawdxin sofrew daqqa ekonomika ikbar minn dik Maltija.

Matul din il-laqgħa ħareġ ukoll li minkejja li beda l-istaġun tas-sajf, ħafna mil-lukandi Għawdxin qegħdin ikunu battala matul il-ġimgħa. Żiedu li s-settur tad-diving f’Għawdex jinsab wieqaf għal kollox u dan tnaqqaslu l-għajnuna mill-Gvern minn €800 għal €600. Fl-istqarrija l-PN qal li fl-istess laqgħa ħareġ ukoll li r-rotot li se jiftħu mill-ewwel ta’ Lulju lejn Malta se jkun hemm 60% inqas ta’ kapċità matul is-Sajf.

Il-PN appella lill-Gvern biex jieħu l-passi immedjati u joffri inċentivi adegwati biex din is-sitwazzjoni tiġi indirizzata u ma jintilfux iżjed impjiegi f’ Għawdex.