Għal għand il-Kmandant għax inqabżu biex jaħdmu Għawdex

Uħud mis-suldati Għawdxin membri tal-Forzi Armati ta’ Malta, se jkunu qed iressqu l-ilmenti tagħhom lill-Kmandant tal-Armata, wara li allegatament inqabżu milli jiġu trasferiti lejn Għawdex.
Newsbook.com.mt huwa infurmat li dan wara li marru l-Ministeru ta’ Għawdex biex iressqu l-ilmenti tagħhom, fejn instema’ għajjat u storbju.
Minn informazzjoni li ksibna jirriżulta li wħud mis-suldati li ma ġewx trasferiti Għawdex minkejja li kien imisshom, ingħataw ir-raġuni li għandhom bżonnhom Malta biex jaħdmu bħala sprayers.
Infurmati wkoll li wieħed mis-suldati li ma tniżżlux iżda kien mal-ewwel għaxra, huwa bdot ta’ ħelikopter tal-Armata. Suldat ieħor għadu kif irritorna Malta mill-Awstralja wara erba’ xhur ta’ taħriġ fuq patrol boat.
Nhar il-Ġimgħa li għadda tmien suldati li kienu stazzjonati Malta ġew infurmati biex it-Tnejn jirrappurtaw għax-xogħol f’Għawdex. Sitta mit-tmien suldati tal-Forzi Armati ta’ Malta, ma kinux mal-ewwel 10 suldati li kienu fil-lista biex jiġu trasferiti.
Hu mifhum li wħud minn dawk li ġew trasferiti ilhom fis-servizz erba’ snin, filwaqt li oħrajn li kienu mal-ewwel 10, baqgħu stazzjonati Malta minkejja li ilhom suldati tmien snin.
Ritratt: Arkivji – FAM